Sunday, November 24, 2024

L-Ispeaker Anġlu Farrugia: L-ebda seduta mħassra minkejja l-pandemija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-intervent tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia semma kif f’dawn l-aħħar għaxar snin saru għadd ta’ żviluppi kemm f’dawk li huma proċeduri parlamentari kif ukoll servizzi offruti lill-membri parlamentari u l-pubbliku.

Huwa rrefera għall-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, ix-xandir b’mod dirett tas-sessjonijiet tal-Parlament u t-twaqqif tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet fost oħrajn. 

“Huwa ta’ sodisfazzjon li naqsam dawn il-passi ‘l quddiem f’din l-ogħla istituzzjoni filwaqt li nirrikonoxxi dak kollu li sar mill-ispeakers ta’ qabli,” qal l-Ispeaker li rringrazzja wkoll lill-membri tal-midja li jwasslu l-ħidma parlamentari lill-pubbliku.

Kien hawn fejn għamel enfasi dwar ir-responsabbiltà ta’ dak li jingħad speċjalment illum il-ġurnata fejn fi kliemu “m’għandna l-ebda kontroll għal dik li hi fake news u hate speech xi ħaġa li għandna nindirizzaw biex il-ġenerazzjonijiet li ġejjin jagħmlu aktar kuraġġ li jidħlu fil-politika.”

“Demokrazija parlamentari hi waħda li tagħraf li biex tibqa’ rilevanti u ta’ servizz għall-ġid komuni trid tevolvi sabiex tibqa’ dejjem tirrifletti r-realtajiet u l-aspirazzjonijiet li dejjem jitbiddlu mas-soċjetà,” kompla jgħid l-Ispeaker. 

Huwa żied jistqarr li bil-koperazzjoni ta’ kulħadd, il-Kamra tar-Rappreżentanti setgħet tkompli bil-ħidma tagħha anke waqt il-pandemija, fejn ma kien hemm l-ebda seduta mħassra, la min-naħa tal-Kumitati u lanqas mis-seduti plenarji. 

L-Ispeaker Farrugia temm jgħid li bħala membri eletti mill-poplu jridu jżommu f’moħħhom li dak li jgħidu u jagħmlu għandu jkun imnebbaħ biss mis-servizz tas-soċjetà li mistennija dejjem li jservu.

Sport