Sunday, November 24, 2024

L-Ispeaker favur sistema fejn MP jagħżel ikunx full time jew part time 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Materja li ilha ftit li tqajmet hi dwar jekk wasalx iż-żmien li jkollna Membri Parlamentari full time. Jiena għadni tal-fehma li biex inħajru aktar nisa u rġiel jidħlu għall-ħajja tal-politika u biex fl-istess ħin ma noħolqux ostakli għal min diġà huwa stabbilit b’mod professjonali u jixtieq jikkontribwixxi lejn is-soċjetà permezz tal-politika, għandna nintroduċu sistema fejn Membru tal-Kamra jkun jista’ jagħżel jekk iridx iservi lil pajjiżu fuq bażi full time jew part time.”

Dan kien il-messaġġ tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia waqt iċ-ċerimonja ta’ tifkira biswit il-monument tas-Sette Giugno f’Misraħ San Ġorġ il-Belt, liema messaġġ twassal mid-Deputat Speaker David Agius billi Dr Farrugia kien jinsab indispost minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Fid-diskors tiegħu tal-okkażjoni, l-Ispeaker jisħaq li rridu naħdmu biex nintroduċu proċedura parlamentari sabiex nagħtu rimedju liċ-ċittadin meta dan iħoss li Membru Parlamentari jkun abbuża mill-privileġġ parlamentari meta jsemmih fil-Parlament.

Tenna li sal-lum persuni li jħossu li fil-konfront tagħhom saru dikjarazzjonijiet skorretti jew mhux veritieri minn xi Membru tal-Kamra waqt xi seduta jew kumitat parlamentari, għadhom bla rimedju, anke jekk forsi dawk il-persuni jkunu qed ibatu konsegwenzi minħabba dak li jkun intqal dwarhom fil-Parlament. 

“Irid jingħad li dawn il-konsegwenzi jista’ jkunu tali li jkollhom effett kuntrarju għall-interessi tagħhom fir-rigward ta’ proċeduri li jkunu għaddejjin minnhom fil-Qrati. Nemmen illi wasal iż-żmien biex mid-diversi mudelli li hemm f’diversi pajjiżi, l-aktar fil-pajjiżi tal-Commonwealth, għandna nsibu u nimplimentaw dak il-mudell li l-aktar huwa applikabbli għalina,” sostna l-Ispeaker.

Huwa semma wkoll proposta li kien għamel dwar il-ħidma parlamentari fejn jirrigwarda x-xhieda li jiġu msejħa jidhru quddiem il-kumitati tal-Kamra. “Naħseb li għandna nistħarrġu l-possibilità li xhieda li tingħata quddiem dawn il-kumitati parlamentari tkun privileġġjata u prekluża milli tintuża quddiem il-Qrati jew xi awtorità ġudizzjarja oħra. 

“Nifhem li biex din il-proposta tiġi implimentata jrid ikun hemm impenn politiku u diskussjoni dwar il-konsegwenzi legali tagħha anke għaliex tali suġġeriment aktarx ikun irid jiġi fisseħħ permezz ta’ emendi fil-liġijiet Maltin,” żied jgħid l-Ispeaker.

Huwa nnota wkoll li l-Parlament Malti huwa wieħed mill-aktar parlamenti nazzjonali fl-Ewropa li għandu rata ta’ ħidma għolja. Fil-fatt matul is-sena li għaddiet mill-aħħar diskors tiegħu, il-Kamra ltaqgħet 117-il darba biex ġew mgħoddija 34 Att tal-Parlament, ġew ippreżentati 52 Abbozz ta’ Liġi u 101 Mozzjoni, ġew imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra mal-1,600 dokument, kien hemm mhux inqas minn 134 laqgħa talkumitati parlamentari u ngħataw mhux inqas minn 21 deċiżjoni tas-Sedja li wħud minnhom kienu deċiżjonijiet ta’ ċertu portata.

Dr Farrugia żied li daqstant ieħor importanti għall-istess istituzzjoni parlamentari li r-rulings preċedenti jiġu rispettati, u li f’każ li xi Membru jkun jixtieq jikkontesta deċiżjoni tas-Sedja, għandu jirrikorri għar-rimedju li jagħtuh listess Ordnijiet Permanenti fir-rigward, u mhux għal azzjonijiet oħrajn li jmorru lil hinn minn dak li jipprovdu r-regoli tal-Kamra. 

“Dan qed ngħidu għaliex minkejja li huma veru ftit l-istanzi fejn Membri rrikorrew għal dawn l-azzjonijiet, is-Sedja tibqa’ dejjem obbligata u kommessa li tisħaq fuq l-osservanza tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra u tal-preċedent stabbilit mis-Sedja matul is-snin.”

Sadanittant, huwa qal li jemmen li l-Parlament Malti għandu jkompli jaħdem, kif qiegħed jagħmel, favur il-paċi. “Biex ikollok il-paċi huwa importanti li jkollok it-tolleranza. Bi pjaċir ngħid li l-Parlament Malti huwa wieħed mill-membri fundaturi tal-Parlament Internazzjonali għat-Tolleranza u l-Paċi.” 

Temm jgħid li jemmen li din il-kommemorazzjoni tas-Sette Giugno li ssir ta’ kull sena biex infakkru u napprezzaw dak li għaddew minnu missirijietna, isservi biex mill-ġdid nitħeġġu bl-enerġija ħalli nkomplu nsaħħu din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż mhux biss għall-ġid ta’ pajjiżna llum, imma anke għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna.

Fi tmiem id-diskors, id-Deputat Speaker, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, id-Dekan tal-Korp Diplomatiku, is-Sindku tal-Belt Valletta, rappreżentanti tal-familji tal-vittmi tas-Sette Giugno 1919 u organizzazzjonijiet oħra qiegħdu kuruni f’riġlejn il-Monument tas-Sette Giugno 1919. F’din l-attività ħadu sehem il-Banda tal-Korp tal-Pulizija bis-sehem ukoll tal-kor tat-tfal mill-Kulleġġ San Injazju.

Sport