Wednesday, March 12, 2025

L-Ispeaker jafferma l-irwol tiegħu bħala arbitru ewlieni

Aqra wkoll

Fi żmien meta d-diskors politiku għandu jiffoka fuq kwistjonijiet sostantivi li jolqtu lill-pajjiż, l-Ispeaker tal-Parlament jibqa’ determinat biex jissalvagwardja r-rwol tiegħu bħala arbitru newtrali b’impenn sod għall-prinċipji demokratiċi.

Dan qalu l-Ispeaker tal-Parlament, Dott Anġlu Farruġia, b’reazzjoni għal dak li qal aktar qabel il-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fi stqarrija li fiha qal li l-poplu jixraqlu parlament li jitmexxa b’mod imparzjali, serju u demokratiku, u mhux b’għamad politiku u fl-interessi partiġġjani tal-partit fil-Gvern. 

Fit-tweġiba tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li jqis li huwa imperattiv li jerġa’ jafferma l-impenn sod tiegħu li jħares l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra tad-Deputati ta’ Malta.

“Ir-rwol tal-Ispeaker huwa li jiżgura l-ordni, il-ġustizzja, u l-aderenza mal-proċeduri parlamentari, u kwalunkwe allegazzjoni li tissuġġerixxi mod ieħor hija għal kollox infondata” tenna Dr Farrugia.

Huwa kompla spjega li d-deċiżjonijiet tal-Ispeaker mhumiex arbitrarji iżda għandhom l-għeruq tagħhom fl-Ordnijiet Permanenti u l-prinċipju tal-preċedent, li jirregolaw l-imġiba parlamentari. Ir-rulings li jagħti dwar kwistjonijiet proċedurali, inkluż l-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda ta’ mozzjonijiet għal dibattiti urġenti, huma bbażati fuq prinċipji stabbiliti sew li ġew applikati b’mod konsistenti minn Speakers oħra qablu.

Semma wkoll li ilmenti riċenti li jiddubitaw l-imparzjalità tiegħu, partikolarment fir-rigward tad-deċiżjonijiet tiegħu dwar dibattiti urġenti, jonqsu milli jirrikonoxxu l-qafas legali u proċedurali li jiggwida dawn ir-rulings.

F’dan ir-rigward, l-Ispeaker Anġlu Farruġia sostna li huwa wkoll pertinenti li wieħed jinnota li l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra jipprovdu li kull deċiżjoni meħuda mill-Ispeaker, inkluż dik dwar talbiet għal dibattiti urġenti, tista’ tiġi kkontestata formalment fi żmien jumejn minn meta tingħata tali deċiżjoni. Minkejja din id-dispożizzjoni demokratika, ma saret l-ebda kontestazzjoni formali tar-rulings tal-Ispeaker.

Anġlu Farruġia fisser li lil hinn mir-rulings proċedurali, l-Ispeaker huwa wkoll responsabbli biex iżomm l-ordni waqt is-seduti parlamentari. Dan jinkludi t-teħid ta’ miżuri meħtieġa kontra membri li jisfidaw l-awtorità tal-President jew ifixklu l-proċeduri. Azzjonijiet bħal dawn mhumiex motivati politikament iżda huma essenzjali biex jinżammu d-dixxiplina u d-decorum mistennija fil-Parlament.

L-Ispeaker sostna wkoll li huwa wera b’mod konsistenti approċċ imparzjali u ġust lejn dmirijietu, li assigura li l-Parlament jibqa’ spazju ta’ dibattitu kostruttiv u progress leġiżlattiv, u li kull kritika għandha titkejjel mal-fatt li r-deċiżjonijiet tiegħu dejjem jindikaw b’mod ċar id-dispożizzjonijiet legali u/jew il-preċedent li huma bbażati fuqhom.

Fir-rulings tiegħu huwa spiss jaqsam it-tħassib imqajjem minn membri parlamentari li talbu rulings, filwaqt li argumenta madankollu li hu marbut li josserva r-regoli li jirregolaw il-ħidma parlamentari.

F’diversi każijiet, bħal fir-rigward ta’ tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari, huwa appella liż-żewġ naħat tal-Kamra biex imexxu ‘l quddiem il-proċess tar-reviżjoni tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra tad-Deputati biex ħafna minn dan it-tħassib jista’ jiġi indirizzat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport