Riżultati kważi kompluti qegħdin juru li l-partit demokratiku ċentru lemini “Demokraatit” ta’ Greenland rebaħ l-elezzjoni ġenerali. Din is-“sorpriża” elettorali hija votazzjoni ddominata mill-indipendenza u mill-wegħda ta’ Trump li jieħu taħt idejh l-kontroll ta’ dan it-territorju semi awtonomu.
Il-partit “Demokraatit” huwa rrapportat li kiseb madwar 30% tal-voti u issa se jkun għaddej b’negozjati ma’ partiti oħra ħalli jifforma koalizzjoni. Il-mexxej ta’ “Demokraatit”, Jens Frederik Nielsen, sostna li, “hemm bżonn li fi żmien li fih hemm tant interess minn pajjiżi esterni, fi Greenland ningħaqdu flimkien… Dan biex nidħlu f’negozjati ma’ kulħadd”.
Greenland hija l-akbar gżira fid-dinja u ilha kkontrollata mid-Danimarka għal madwar 300 sena. Il-pożizzjoni ġeografika strateġika ta’ dan il-pajjiż u r-riżorsi naturali li fih ġibdu l-attenzjoni u l-interess tal-President Amerikan Donald Trump li fl-ewwel terminnu tiegħu, lura fl-2019, ried jixtri Greenland.
Minn mindu reġa’ ġie elett Trump irribatta li jrid dan it-territorju “għas-sigurtà nazzjonali… b’xi mod jew ieħor, se nakkwistawh”.