Saturday, December 14, 2024

L-Ispeaker jikkundanna kliem mhux xieraq fuq l-Iskrivan tal-Kamra

Aqra wkoll

F’ruling li ta l-Ispeaker Anġlu Farrugia, huwa kkundanna l-attakki verbali li saru fil-konfront tal-iskrivan tal-Kamra mid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina. L-Ispeaker iddeskriva lill-Iskrivan tal-Kamra bħala persuna rispettata ħafna u li jaqdi dmiru b’reqqa kbira.

Kien is-Segretarju Parlamentari u Whip tal-Gvern Andy Ellul li talab lill-Ispeaker jagħti ruling wara l-atteġġjament ta’ Aquilina fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda wara li kien ingħata ruling ieħor mill-istess Speaker. L-istess Aquilina kien instema’ jgħid ukoll il-kliem “oxxen, oxxen” u dan fost diversi interruzzjonijiet li saru.

L-Ispeaker beda biex ċaħad it-talba ta’ Aquilina biex jirrikuża ruħu minn dan ir-ruling minħabba li l-istanding orders jistipulaw li hija s-Sedja li tirregola l-Kamra għal kull ħaġa li ssir waqt is-seduta.

Huwa nsista li kien l-istess Aquilina li beda jindirizza kliem li mhux ta’ komportament parlamentari fil-konfront tas-Sedja u għalhekk hi s-Sedja li trid tara dak kollu li għandha tara sabiex tagħti l-provvedimenti tagħha anke f’dan il-każ.

Dwar dak li talab is-Segretarju Parlamentari Ellul, l-Ispeaker innota li diġà ttieħdu l-passi meħtieġa waqt is-seduta stess fejn ordna lil Aquilina minħabba l-imġiba tiegħu ta’ diżordni sabiex joħroġ mill-Kamra, liema ordni ġiet segwita billi l-Kamra ġiet sospiża minħabba li kien hemm diversi interruzzjonijiet.

“Is-Sedja tifhem li Aquilina peress li anke waqt li ġiet sospiża l-Kamra, u meta rreżumiet, baqa’ fil-Kamra ma tneħħi xejn dak li ddeċiediet is-Sedja, għax is-Sedja kieku baqgħet għaddejja bis-seduta kien ikun hemm bżonn il-marixxalli tal-Parlament jew uffiċjali oħra li jiġu awtorizzati mis-Sedja biex jaġixxu u jimxu mal-ordni li dik tiġi segwita,” qal l-Ispeaker.

Huwa qal li fiċ-ċirkostanzi tal-każ, wara li s-Sedja rreżumiet is-seduta ma ħassitx il-ħtieġa li tagħmel hekk minħabba li s-seduta setgħet titkompla mingħajr aktar interruzzjonijiet.

Qal ukoll li ra dak kollu li qal Aquilina, fejn is-Sedja diġà tat id-deċiżjoni tagħha dak il-ħin stess li l-atteġġjament tiegħu kien wieħed deplorevoli u li ma jagħmilx ġieħ lanqas lilu stess li jinżel f’dak il-livell biex jattakka personali. Apparti minn hekk, hemm il-proċedura li tista’ tiġi segwita jekk iħoss li kellu jikkontesta r-ruling.

“Agħar minn hekk”, kompla jgħid l-Ispeaker, “dak li jattakka l-persuna tal-iskrivan tal-Kamra, persuna integra li ilha snin twal fil-Parlament, leġiżlatura waħda wara l-oħra jagħmel xogħlu b’mod impekkabbli, u li jdaħħlu fil-kwistjoni qisu kiteb ir-ruling hu u mhux is-Sedja, hi ħaġa li ma tagħmilx ġieħ lill-istess Onor. Aquilina li qal dan id-diskors.”

Huwa tenna jgħid li l-fatt li Aquilina ma rtirax jew le l-kliem li qal “dak affari tiegħu” iżda żgur li ma kienx atteġġjament xieraq u li ma jagħmillux ġieħ. Għalhekk, iddeċieda li s-Sedja ma kellhiex tieħu aktar passi u azzjoni minħabba li dak kollu li kellu jsir, ġie deċiż waqt is-seduta.

Ekonomija

Sport