Wednesday, December 3, 2025

L-Ispeaker ma jsib ebda każ ta’ fastidju minn ġurnalist fuq Deputat tal-PN… fl-istess ħin jgħid li l-ġurnalist kellu jieqaf milli jkompli jistaqsi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ma sab ebda każ ta’ fastidju (harassment) kif allegat mid-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg wara li ġurnalist ta’ One News kien qed jagħmillu xi mistoqsijiet waqt li kien dieħel fil-bini tal-Parlament.

F’ruling li ta l-Erbgħa, Dr Farrugia nnota li l-ilment imqajjem minn Buttigieg kien episodju singolu u li min-naħa l-oħra kien jidher ċar li l-istess Deputat kien qed juża jdejh biex iwarrab lill-istess ġurnalist li kien viċin ħafna tiegħu. L-Ispeaker iżda sostna li l-ġurnalist, wara li għamel id-domanda, għal darba, darbtejn, kellu jiddesisti milli jkompli jimxi wara l-istess Membru u jkompli jagħmel l-istess domanda, li m’għamilx.

Fir-ruling tiegħu, Dr Farrugia qal li kien ra l-filmat li għamel referenza għalih l-Onor. Buttigieg fejn jidher ċar li l-ġurnalist kien qed jersaq viċin ħafna tiegħu u nnota li l-istess Buttigieg b’idejh iwarrab lill-istess ġurnalist peress li evidentement kien viċin ħafna tiegħu.Ġie nnotat ukoll kif il-ġurnalist baqa’ dieħel kważi sal-entratura tal-Parlament, imma ma daħalx mill-bieb ’il ġewwa.

“Jidher ċar illi dan huwa każ fejn il-ġurnalist kellu kull dritt jagħmel domanda u l-Membru Parlamentari kellu kull dritt jagħżel li ma jweġibx; f’dan il-każ l-Onor. Albert Buttigieg għal darba, darbtejn, għażel li ma jweġibx u għaldaqstant il-komportament kemm tal-ġurnalist u kemm tal-Onor. Buttigieg kellu jieqaf immedjatament hemm.”

Is-Sedja fakkret lill-membri kollha tal-midja li dawn għandhom jirrispettaw dawk iż-żoni riservati għalihom fid-daħla tal-binja tal-Parlament u jimxu wkoll mal-istruzzjonijiet tal-Pulizija dwar dan. “Dan ukoll fid-dawl ta’ dak li tgħid l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra (Kap. 113 tal-Liġijiet ta’ Malta) jiġifieri li bl-ebda mod ma jistgħu jostakolaw lill-Membri waqt li jkunu deħlin jew ħerġin mill-bini tal-Parlament.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport