Is-sitwazzjoni klimatika ta’ dawn l-aħħar ġimgħat ikkawżatilna sitwazzjonijiet li preferibbilment jiġu evitati. It-temperaturi estremi li ħakmu diversi partijiet tad-dinja fl-aħħar jiem kienu ta’ dannu kbir kemm fejn jidħlu ħajjiet kif ukoll finanzjarjament b’ħafna jsofru danni finanzjarji kbar fin-negozji varji tagħhom.
Fost dawk milqutin f’pajjiżna hemm ir-raħħala li jrabbu l-bhejjem kemm għall-produzzjoni tal-ħalib kif ukoll dik taċ-ċanga lokali.
Skont l-istess raħħala, il-bhejjem hu stmat li jnaqqsu mal-20 fil-mija tal-għalf li jieklu u sussegwentament dan ikun ifisser li mhux biss se tonqos il-produzzjoni tal-baqar, iżda anke l-għoġġiela tas-simna, minħabba li jieklu ammonti kbar inqas, se tkun iktar diffiċli għar-raħħal biex dawn ilaħħaqhom għall-qatla.
Barra minn hekk l-ispejjeż ta’ dawn in-nies fis-sajf huma esaġerati b’kalkolu li dawn jispiċċaw jaħdmu biex jiġbru ħaqq l-ispejjeż matul dawn ix-xhur ta’ sħana esaġerata li tħalli mhux biss lill-bhejjem, imma anke lil dawk li jaħdmu fir-razzett bla saħħa ta’ xejn. Issib min jgħidlek imma jekk dawn jieklu inqas dan ma jfissirx li għandek inqas spejjeż? Il-kalkolu mhuwiex daqshekk faċli minħabba li hemm proċess sħiħ ta’ kif il-ġisem tal-baqra jaħdem b’tali mod li jipproduċi ħalib li hu kkakulat u mħallas abbażi tal-ammont u l-kwalità tiegħu.
Waħda mis-soluzzjonijiet hija li r-raħħal jipprova jżomm il-baqar kemm jista’ jkun komdi, iżda f’ċertu rziezet aktar minn oħrajn hija ferm diffiċli biex tiġġieled dawn it-temperaturi estremi. Xi rziezet huma mgħammra b’sorsi ta’ enerġija rinovabbli u b’xi mod jaffordjaw sistemi bħalma huma pajpijiet li minnhom jinxtered ilma frisk fuq il-baqar huma u jieklu bħala metodu li jista’ jinkoraġixxi l-baqra tersaq iktar lejn l-għalf. Ovvjament min m’għandux dawn is-sorsi se jispiċċa b’kontijiet ferm ogħla minħabba fannijiet u sistema bħal din li fix-xitwa ma jkollhomx bżonnha. Mhux biss il-kont tad-dawl. L-ammont ta’ ilma li jiġi mxerred fuq il-baqar kuljum mhux biss se jirrifletti fl-ispiża fejn jidħol il-kont, iżda minnu nnifsu jikkawża spejjeż addizzjonali bħalma hija l-ispiża biex titbattal il-fossa fejn taqa’ taħlita ta’ ilma u ħmieġ tal-bhejjem li jinżel taħthom ħafna drabi minn sistemi ta’ spralli li jkunu mtaqqbin apposta biex dan jibqa’ nieżel. Għal dawk li jiddependu minn ħaddieħor biex iġorr dan il-materjal hemm spiża għal kull vjeġġ, filwaqt li għal dawk li għandhom l-inġenji biex iġorruh huma għandek spejjeż addizzjonali ta’ fjuwil. Dan l-ammont ta’ materjal jiżdied sostanzjalment anke minħabba l-ammont ta’ awrina li l-bhejjem jispiċċaw jipproduċu riżultat ta’ żieda oħra fl-ammont ta’ ilma li jikkunsmaw fejn hu stmat li baqra waħda kapaċi tixrob aktar minn 100 litru kuljum.
Dawn in-nies li jaħdmu lejl u nhar mingħajr Ħdud u festi sabu spalla fil-gvern li qed jerfa’ l-piż taż-żieda tal-prezzijiet tal-enerġija fuq livell internazzjonali, jixtiequ aktar serħan il-moħħ. L-għajnuna għalihom donna qatt mhi biżżejjed quddiem dawn l-ispejjeż kbar li fl-aħħar xhur żdiedu b’eluf ta’ ewro fix-xahar minħabba ż-żieda fil-prezz tal-għalf. Madanakollu huma għadhom qegħdin jistennew għajnuna li twegħdu li se jingħataw xhur ilu minħabba l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna fuq il-prezz tal-għalf.
Iżda fuq kollox nemmnu li l-aqwa spalla għal dawn in-nies huwa l-konsumatur, mhux biss il-Malti, iżda anke l-barranin li jgħixu f’pajjiżna għandhom jirrikonoxxu l-vantaġġ ta’ prodott frisk u lokali. Dawn ir-raħħala jiddependu mill-bejgħ tal-prodotti tagħhom is-sena kollha, u filwaqt li fis-sajf jogħrqu biex ilaħħqu mad-domanda, fix-xitwa ħafna drabi jispiċċaw jingħataw bis-sieq għax ikollhom produzzjoni ikbar u l-prezz mogħti lilhom fuq l-ammont ta’ kwota li jkol lhom ikun tant redikolu li jkollhom inaqqsu mill-bhejjem biex jibbilanċjaw l-ispejjeż. Ħafna drabi din tkun il-kundanna ta’ skarsezza ta’ ħalib f’dawn ix-xhur tas-sajf. Is-soluzzjoni hija waħda ċara – sostenn lejn il-prodotti lokali matul is-sena kollha.