Wednesday, April 9, 2025

L-ispejjeż relatati mal-miscarriage leave se jinġarru kollha mill-Gvern

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern ħabbar li se jkun hu li se jġorr l-ispiża kollha relatata mal-miscarriage leave. Dan bil-għan li jintbagħat messaġġ b’saħħtu, li biex tassew ikompli jissaħħaħ il-bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja privata, iridu jittieħdu passi kuraġġużi. 

Dan tħabbar dalgħodu mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul waqt l-ewwel konferenza nazzjonali dwar il-Miscarriage Leave. Huwa beda biex qal li l-Gvern telaq mill-punt fejn ried jisma’ lil kull min b’xi mod jista’ jikkontribwixxi għal din id-diskussjoni.

Minn nisa li għaddew minn din l-esperjenza, missirijiet prospettivi jew it-tieni ġenitur, il-komunità medika, professjonisti oħra bħal psikologi, psikjatri u counsellors, u għaqdiet bħal unjins, ta’ min iħaddem u organizzazzjonijiet oħra.

“Nistqarr li n-numru ta’ nies li resqu lejna biex jitkellmu magħna dwar dan is-suġġett kien wieħed impressjonanti. Se nkunu qegħdin norganizzaw numru ta’ laqgħat oħra ta’ konsultazzjoni biex nisimgħu lil kulħadd,” qal is-Segretarju Parlamentari Ellul. 

Huwa kompla jgħid li għalkemm l-istatistika turi li f’Malta jkollna madwar 300 każ ta’ miscarriage fis-sena, fil-verità, minħabba ċirkostanzi mediċi oħra, il-każijiet ta’ miscarriage f’Malta jammontaw għal madwar 1,000 fis-sena. 

“Il-miscarriage mhix biss esperjenza medika imma hi waħda emozzjonali u fiżika. Mhux każ ta’ ma ġara xejn, tistgħu terġgħu tipprovaw imma ġenitur prospettiv li jitlef parti minnu nnifsu, irġiel li lanqas jingħataw ċans jipproċessaw dak li ġara. Din tfisser ukoll tmiem ta’ ħolma li koppja tkun ilha tistenna,” qal is-Segretarju Parlamentari Ellul li saħaq li f’dawn iċ-ċirkostanzi hemm bżonn li jkun hawn kultura tax-xogħol u soċjetà li tifhem u tappoġġja.

“Filwaqt li ċertu pajjiżi diġà qed jagħrfu dan, Malta għandha tkompli tkun minn ta’ quddiem nett fil-ħarsien tad-dinjità tal-ħaddiema,” huwa żied jgħid. “Din hi inizjattiva li flimkien bħala nazzjon irridu nieħdu. Għandna x-xorti li f’pajjiżna, l-aspett ta’ djalogu huwa wieħed b’saħħtu.”

Dr Ellul qal li rridu nibagħtu messaġġ lil dawn il-koppji li s-soċjetà qiegħda warajhom f’dan kollu, l-Istat qiegħed hemm biex jgħin u li għandhom kull dritt li jgħaddu minn perjodu ta’ mistrieħ. 

Is-Segretarju Parlamentari Ellul tenna jgħid li flimkien irridu soluzzjonijiet li jaħdmu għal kulħadd. “L-għan aħħari huwa li ħadd ma jibqa’ jħossu waħdu f’dan il-mument diffiċli. Li noħolqu politika li tgħin, tappoġġja u tagħti l-ħin xieraq għal dan it-telf lill-persuni affettwati huwa d-dover tagħna. Hekk biss il-ħaddiema u l-familji tagħhom jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika soċjali tagħna.”

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport