Saturday, December 21, 2024

L-ispettaklu ‘Magic in the air’ bħala parti miċ- ċelebrazzjonijiet tal-Festa Ssma Trinità fil-Marsa

Aqra wkoll

Is-Sezzjoni Nar fi ħdan l-Għaqda Festi Esterni SSma Trinità tal-Marsa bħalissa tinsab tagħmel l-aħħar preparamenti tagħha biex tippreżenta spettaklu piromużikali bl-isem ta’ “Magic in the air ”, u dan bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qegħdin jiġu organizzati fl-okkażjoni tal-festa titulari tas-SSma Trinità ċċelebrata fil-Parroċċa Matriċi tal-Marsa. Din mhix l-ewwel darba li l-Parroċċa tas-SSma Trinità tal-Marsa se tkun qiegħda toffri lir-residenti tagħha u lill-eluf ta’ dilettanti tan-nar mxerrdin madwar il-gżejjer Maltin spettaklu pirotekniku uniku.

Kien bis-saħħa tat-twaqqif tas-Sezzjoni Nar fi ħdan l-Għaqda Festi Esterni SSma Trinità u l-ħidma sfiqa li din twettaq tul is-sena li l-logħob tan-nar ħa spinta kbira ‘l quddiem biex sar ingredjent importanti biex ħafna aktar nies jirrikorru għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa titulari tas-SSma Trinità fil-Marsa. Ta’ kull sena, mill-2010 ‘l hawn, il-programmi tal-logħob tan-nar li jittellgħu lejliet il-festa biswit il-Knisja Parrokkjali bdew ikollhom aktar attrazzjonijiet kbar, mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-logħob tan-nar tal-art, iżda wkoll dak tal-ajru li ħafna minnu beda jkun sinkronizzat mad-dwal u l-mużika. 

Is-suċċess miksub matul l-aħħar snin kif ukoll ir-rispons kbir pożittiv li kien hemm kemm mill-parroċċani kif ukoll mid-dilettanti tan-nar li jiżu minn diversi bliet u rħula, wassal lis-Sezzjoni Nar tal-Għaqda Festi Esterni SSma Trinità biex għal din is-sena tippreżenta xi ħaga ġdida u oriġinali.Bis-saħħa tal-għajnuna ma taqta’ xejn tar-residenti Marsin kif ukoll ta’ għadd ta’ sponsors l-attrazzjoni ta’ din is-sena se tkun il-“‘Magic in the air ”.

Dan għandu joffri spettaklu ta 10 bicciet mużika Sinkronizatti man-nar tal-art u l-ajru, b’taħlita sħiħa ta’ kuluri. Apparti li se tkun esebizzjoni oħra artistika ta’ talent pirotekniku Malti maħdum minn Pyro Master Team kif ukoll mill-kamra tan-nar ta’ San Bartilmew Għargħur.

Dan kollu se jsir nhar is-Sibt, 11 ta’ Ġunju u jibda f’nofsilejl, wara marċ brijuż mill-Banda Santa Marija tal-Mosta ma bosta sorpriżi kbar li ħejjew il-kumissjoni Partitarji.

Ekonomija

Sport