Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport?
L-imħabba tiegħi lejn l-isport bdiet minn meta twelidt. Qatt ma kont nilgħab bil-ġugarelli normali. Dejjem kelli xi tip ta’ ballun f’idejja: basketball, futbol, tennis ball eċċ. u iva xi kultant kont inkisser affarijiet ġod-dar għax ħafna drabi kont insib ruħi nilgħab waħdi u nħabbat il-ballun mal-ħajt jew nivvinta xi lasta bejn is-sufan u t-televixin u nixxutja ‘l hemm u ‘l hawn. Meta bdejt l-iskola Malta dejjem kont wieħed mill-aħjar atleti f’kull dixxiplina tal-isport sew fil-lezzjonijiet tal-P.E., fil-ġiri u anke team sports.
Meta kelli 11-il sena kelli l-opportunitá li mmur l-Ingilterra sabiex nimmeljora ruħi u nikber bħala persuna waqt iż-żmien tal-iskola sekondarja. Hemmhekk bdejt nilgħab ħafna sports different, inkluż ir-rugby. Din kienet l-ewwel darba li ffokajt fuq sport wieħed u mbagħad konsegwentament irnexxieli nilgħab ma’ Malta meta spiċċajt l- istudji universitarji tiegħi. B’kollox, kburi ngħid li lgħabt iktar minn 20 darba ghal Malta u skurjajt iktar minn ghaxar ‘tries’ waqt li kont membru tal-klabb tiegħi – Swieqi Overseas RUFC. Fil-perjodu li jiena kont il-captain tat-tim, irbaħna ċ-Cisk MRFU League, Cup, is-7s Trophy u r-Ray Elliott Cup. Jiġifieri fil-qasir, għamilna ‘clean sweep’ tat-tazzi lokali kollha fl-istess Sport. Għallimt il-P.E. għal ħames snin sħaħ u żżewwigt fis-sena 2017, trażlokkajna Għawdex u waqaft nilgħab ir-rugby. Minflok bdejt imbagħad nigri iktar fit-tiġrijiet tal-5kms, imbagħad 10kms, trail races, nofs maratona, triathlons, swim-runs, imbagħad il-Maratona tal-42.2km. Riċentement, irnexxieli nispicca il-Maratona ta’ Lisbona fil-Portugal f’inqas min tliet sighat. Ftaħna gym Ghawdex, imbagħad ieħor fis-sena 2021 f’nofs il-pandemija tal-Covid-19, u issa nieħu gost ngħin lil ħaddiehor itejjeb is-saħħa tiegħu sew fiżikament kif ukoll mentalment. Ngħallem ħafna klassijiet fil-ġimgħa bħal Spinning, Body Pump, TABATA Circuits u Personal Training waqt li mmexxi l-gym Kinetika Gozo Limited bħala Direttur, fejn għadna kif irbaħna l-unur tal-“Aqwa Faċiltá tal-Fitness f’Għawdex”, “L-Aqwa Fitness Classes f’Ghawdex”, u “L-Aqwa Spazju sabiex jaħdmu l-Personal Trainers f’Ghawdex” fil-Gozo Business Awards 2024.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek fir-rugby.
Ir-rugby huwa sport kompletament uniku għal fejn l-oħrajn. Mhux biss għandek bżonn is-saħħa, iżda trid tkun ħafif fuq saqajk jew tixxuttja sew eċċ, imma għandek bżonn id-dixxiplina ta’ livell iktar għoli minn dak ta’ sport ieħor. Biss biss, lanqas biss tista’ titkellem mar-referi għax dan jista’ biss jagħmlu l-captain tat-tim. Taqbel u ma taqbilx mad-deċiżjoni tiegħu, trid bilfors tgħidlu “Iva Sir” u dak biss tista’ tghid! Din kienet u hija lezzjoni kbira għalija għax fil-ħajja mhux dejjem se jkollok kollox kif suppost jew kif jidhirlek li jkun ġust għalik. Xi kultant se titlef, xi kultant tispiċċa tieħu t-tort anke fl-affarijiet li ma kellekx tort eċċ, imma il-fatt li jkollok raġun ma jiġġustifikax il-fatt li jispiċċa jinħela ħafna ħin f’argumenti inutli. Għalhekk minn dan l-isport, jekk inħares biss lejn dan l-eżempju, nista’ ngħid li fil-ħajja in ġenerali, tgħallimt inkompli għaddej għall-affari tiegħi mingħajr ma nintilef inħaqqaqha mal-familjari, ħbieb, kollegi u nies ta’ madwari. Dak li jkun ngħidlu ‘iva’ u nieħu l-affarijiet b’mod iktar leġġer.
X’tikkummenta fuq l-aħħar esperjenza fejn temmejt fl-10 post overall u l-ewwel Malti waqt l-Ispartan Race?
Din kienet it-tieni Spartan Race tiegħi. L-ewwel waħda kienet sentejn ilu, fis-sena 2022 u ġejt it-13-il wieħed overall u t-tieni fil-kategirija tal-etá tiegħi. Din id-darba onestament ma kontx preparat daqshekk għax kont qed niffoka fuq il-maratona fil-Portugall imma r-raġunament tieghħ dejjem ikun li jien qed nikkompeti miegħi nnifsi u jekk jirnexxili kull darba mmur aħjar mid-darba ta’ qabel, għalija nkun sejjer tajjeb u nkun sodisfatt bil-progress tiegħi. Spiċċajt din it-tellieqa fl-għaxar post u dan għax fallejt l-aħħar żewġ ostakli peressli m’inix imdorri f’dan it-tip ta’ sport. Iżda li kieku ma żbaljatx dawk iż-żewġ ostakli kont nidħol it-tmien wieħed. Kien hemm atleti mill-Italja, Franza, Spanja, mill-Ewropa kollha insomma u għalhekk inħossni kuntent, kburi u sodisfatt li poġġejt il-bandiera ta’ Malta ‘il fuq kemm stajt. Inkun qed nigdeb jekk ngħid li din hija l-prijoritá f’ħajti għax qabel dak kollu, għalija dejjem hemm il-familja tiegħi, il-klijenti tiegħi u x-xogħol tiegħi. Iżda iva, nieħu pjaċir ħafna nikkompeti f’ħafna tipi ta’ sport differenti flok sport wieħed għal dejjem. L-isport fil-fehma tiegħi huwa xi ħaġa tant sabiħa li trid tipprova iktar minn sport wieħed f’ħajtek. Dan speċjalment għax l-isport iġib miegħu beneffiċji varji sinjifikanti għas-saħħa mentali u fiżika ta’ kull individwu.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-isport.
It-tfal tagħna jistgħu jitgħallmu ħafna mill-isports differenti, iġib miegħu valuri varji siewja bħal dixxiplina, unur, rispett lejn l-awtoritajiet u anke ma’ sħabhom u l-importanza tar-responsabbiltá. Fl-opinjoni personali tiegħi, dawn huma l-aqwa lezzionijiet tal-ħajja, sew fil-familja, xogħol u anke fl-isport!
Filwaqt li għalija, l-isport, huwa l-introjtu kif ukoll il-passatemp tiegħi, nixtieq u nipprova li permezz tal-parteċipazzjoni tiegħi f’dawn l-attivatijiet tant għal qalbi, nispira u nħajjar persuni ta’ kull għamla u etá, sabiex iħossuhom aħjar mentalment u fiżikament biex b’hekk jgħixu ħajja iktar twila u serena!