Monday, April 21, 2025

L-isport huwa parti importanti fil-ħajja ta’ kull individwu għaliex jagħtik esperjenzi li jibqgħu miegħek għal għomrok – Kevin Casaru

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Jiena persuna illi minn dejjem kont involut f’xi sport. Fil-fatt, għamilt l-isport il-karriera tiegħi peressli jien għalliem tal-Edukazzjoni Fiżika. Meta kont tifel kont nilgħab it-Tennis, peró mbaghad bdejt nilgħab il-Handball meta kelli madwar 19-il sena u bqajt nipprattika dan l-isport fuq livell nazzjonali għal madwar 16-il sena. Meta bdejt inħoss li qed nikber u bdejt inbati biex nirkupra anke minn injuries żgħar iddeċidejt li nirtira proprju fis- sena li rbaħt il-kampjonat nazzjonali ma’ Luxol HC. Immedjatament wara bdejt niġri, l-ewwel sabiex inżomm ruħi attiv imma fi ftit żmien l-imħabba lejn il-ġiri kibret wisq u bdejt nieħu t-taħriġ bis-serjetá sabiex inkun nista’ nikkompeti. Il-fatt li jien għalliem tal-Edukazzjoni Fiżika fil-Kulleġġ De La Salle li għandu stroja twila fl-atletika għenitni ħafna.

Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?

Fuq livell ta’ klabb irbaħt ir-‘Road Running Athlete of the Year’ fis sena 2017-2018. Kont ukoll parti mit-tim li rbaħna t-tielet post fit-team event tan-nofs maratona taż-Zurrieq 2018. Ġejt ukoll fit-tielet post fl-ewwel edizzjoni tal-Caritas Run for Life 10k 2023. Fir-Running League tal-MESA 2023 spiċċajt ukoll fit-tieni post fil-kategorija tal-Over 40.

Fil-jiem li għaddew, ħadt sehem b’suċċess fil-Maratona ta Malta. Agħtina iktar dettalji.

Li tiġri l-maratona dejjem hija suċċess fiha nnifisha. Id-distanza ta’ 42.2 km mhux faċli u għalhekk tieħu ħafna taħriġ u ppjanar biex tkun tista’ tikkompeti b’mod serju. Din is-sena kont verament kuntent bir-riżultat tal-ġirja peressli rnexxieli ntejjeb il-ħin tiegħi b’ aktar minn 16-il minuta. Spiċċajt it-tellieqa fi tliet sigħat u tliet minuti, li poġġieni fit-83 post ġenerali u s-16-il Malti.

Waħda mill-iktar affarijiet importanti f’din it-tellieqa kienet li hadt pjacir mill-bidu sal-aħħar. Il-ġiri m’għandux ikun biss dwar il-ħinijiet li nilħqu, iżda għandu jagħtik sodisfazzjon. Nemmen li din il-Maratona tatni dak is-sens ta’ pjaċir li dejjem infittex fl-isport.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Naħseb li f’dawn l-aħħar snin rajna żvilupp f’dan il-qasam. Jekk tħares lejn l-atleti żgħażagħ li qed jitilgħu, wieħed jista’ jara li hemm numru sabiħ b’potenzjal kbir. Huwa importanti li dawn l-atleti jingħataw l-attenzjoni u l-għajnuna kollha meħtieġa biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, għax nemmen li fis-snin li ġejjin se nkomplu naraw rekords nazzjonali ġodda.

Minkejja dan, meta nqabblu r-riżultati tagħna ma’ dawk tal-aqwa pajjiżi, għadna ftit lura. Għalhekk, huwa essenzjali li naħdmu biex innaqqsu din id-differenza jekk irridu verament nikkompetu fuq livell internazzjonali.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Bħala atleti ta’ distanzi twal, nużaw prinċipalment it-toroq biex niġru. Wieħed irid jagħżel bil-għaqal fejn jitħarreġ, għax ovvjament it-toroq mhumiex l-iktar post sigur għat-taħriġ. Personalment, qatt ma kelli problemi fuq it-triq għax dejjem nagħti prijorità lit-taħriġ tiegħi u nagħżel żoni aktar siguri fejn niġri.

Dak li qed jonqosna bħala pajjiż huma l-faċilitajiet tat-trakka. Bażikament, għandna biss żewġ tracks ta’ 400m disponibbli fil-gżira, flimkien ma’ xi oħrajn iqsar. Dan jagħmel it-taħriġ kemmxejn aktar diffiċli, speċjalment meta dawn it-trakki jkunu mimlija wisq.

Il-kompetizzjonijiet huma wkoll problema, għax il-ġirjiet fit-toroq f’Malta dejjem jibdew kmieni ħafna filgħodu. Dan jiġri prinċipalment minħabba li l-organizzaturi tat-tlielaq ma jingħatawx permess biex jibdew f’ħin aktar tard. Dan ifisser li atleta li jrid jikkompeti f’tellieqa li tibda fis-7 ta’ filgħodu jkollu jqum fl-4am biex jipprepara, li mhuwiex l-aħjar għażla għax jispiċċa jikkompeti bi ftit jew xejn mistrieħ ottimali.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Għalkemm qed nikber fl-etá u għalhekk it-titjib fil-ħinijiet se jsir aktar diffiċli, inħares lejn il-futur b’mod pożittiv ħafna. Nittama li nkun nista’ nkompli niġri u nikkompeti għal ħafna snin oħra.

Bħalissa qed ngħaddi minn distanzi relattivament iqsar għal dawk itwal, u fil-fatt il-pjan hu li f’Diċembru nagħmel l-ewwel Ultra Marathon tiegħi. Nemmen li sakemm tkompli titħarreġ, qatt ma tixjieħ verament.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

L-isport huwa parti importanti fil-hajja ta’ kull individwu għaliex jagħtik esperjenzi li jibqgħu miegħek għal għomrok. Jien ipprattikajt ħafna sports differenti peró fl-atletika sibt sport illi mhux talli jżommok b’saħħtek iżda li tista’ tibqa’ tipprattika b’mod kemm kompetittiv kif ukoll b’mod rikreattiv anke meta tikber ħafna fl-etá. L-importanti li tagħmel kuraġġ biex tibda għaliex malli tibda dan l-isport isir parti minnek.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport