Fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja dalgħodu ngħataw l-aħħar tislima l-Isqof Mons. Paul Darmanin kif ukoll oħtu Mary Darmanin li mietet fl-istess jiem ta’ ħuha. L-Isqof Darmanin miet it-Tlieta, 25 ta’ Lulju, 2023.
L-Arċisqof Charles Scicluna waqt l-omelija tiegħu qal li l-Isqof Darmanin kien għaref, għalliem u dixxiplu twajjeb ta’ Ġesù li permezz tiegħu wassal ħafna persuni lejn is-sema.
Tenna li l-Isqof Darmanin baqa’ sal-aħħar ta’ ħajtu iben ta’ Ommu Marija – Omm Ġesù – u dan wettqu tul il-vokazzjonijiet kollha tiegħu kemm bħala Patri Kapuċċin u aktar tard anke bħala Isqof. Semma kif meta l-Papa kien innominah għal Isqof, Darmanin mill-ewwel għażel il-kliem “imexxija minn ommna Marija” bħala l-motto li bih mexa ż-żmien kollu meta kien Isqof.
“Pawlu kien dixxiplu fiċ-ċirkostanzi kollha ta’ ħajtu… kien bniedem li bil-kelma mirquma tiegħu ħeġġeġ lil ħaddieħor biex huma wkoll ikunu dixxipli tal-Mulej,” qal l-Arċisqof Scicluna.
Waqt l-istess omelija l-Arċisqof sellem lil Mary li tiġi oħt l-Isqof Darmanin. Qal li huma dejjem ħadu ħsieb xulxin sal-aħħar u mietu ftit ġranet bogħod minn xulxin.
Isqof Emeritu Paul Darmanin li kien iservi fid-Djoċesi ta’ Garissa fil-Kenja bejn l-1984 u l-2015.
L-Isqof Emeritu kien jagħmel parti mill-Ordni Franġiskani Kapuċċini u miet fl-età ta’ 82 sena. Wara li temm il-missjoni tiegħu fil-Kenja hu rtira Malta fejn kien jgħix il-kunvent tal-Franġiskani Kappuċċini fil-Furjana.
L-Isqof Darmanin twieled f’Santa Venera fis-6 ta’ Novembru tal-1940. Kien ingħaqad mal-Ordni Franiskana Kapuċċini fejn fis-sena 1966 kien ġie ordnat saċerdot.
Kien fi Frar tal-1984 meta San Papa Ġwanni Pawlu II kien ħatru Isqof biex imexxi d-Djoċesi ta’ Garissa fl-Kenja. Kien ġie ordnat Isqof mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.
Skont kif tgħid il-liġi Kanonika, hu kellu joffri r-riżenja tiegħu lil Papa Franġisku fl-2015 hekk kif laħaq l-età ta’ 75 sena.
Il-funeral tmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna li miegħu kien hemm jikkonċelebraw in‑Nunzju Appostoliku l‑Arċisqof Savio Hon Tai‑Fai, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi, l‑Arċisqof Emeritu ta’ Tiranna‑Durres George Frendo OP, l‑Isqof Emeritu ta’ Garissa Joseph Alessandro OFM Cap, is‑Segretarju tan‑Nunzju Mons. Dennis Kuruppassery u l‑komunità tal‑patrijiet Kapuċċini u saċerdoti oħra.
Wara li ntemmet il-quddiesa saret l-Isqof Darmanin indifen fil-kennierja ta’ aħt il-knisja tal-Kapuċċini fil-Furjana.