“Dan il-perjodu festiv jidher li kien wieħed tajjeb ħafna. Mir-rispons li għandna, il-maġġor parti tal-istabbilimenti qed jgħidu li dan il-perjodu kien aħjar minn tas-sena l-oħra.”
Iddikjara dan il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat f’kummenti ma’ dan is-sit b’rabta mal-andament turistiku fil-gżira Għawdxija f’dan il-perjodu.
Is-Sur Muscat beda biex qal li l-andament huwa wieħed pożittiv, u dan jiġi kkorroborat meta joħorġu l-figuri tal-Gozo Channel dwar kemm qasmu nies bejn il-gżejjer u meta jittieħed ukoll konsiderazzjoni tal-vjaġġi li saru bil-fast ferry.
“Mir-rispons li għandna u l-kjuwijiet speċjalment li kien hemm fiċ-Ċirkewwa, dik diġà indikazzjoni li Għawdex kien imfittex ħafna f’dan il-ġranet”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-GTA.
Huwa kompla jgħid li fattur ieħor, li bħala Assoċjazzjoni qed jarawh jiżdied kull sena, huwa dak li l-Maltin għandhom it-tieni dar tagħhom biex iqattgħu “vaganza” f’Għawdex. Dan iħajjar lis-suq domestiku biex jitla’ Għawdex ukoll.
Is-Sur Muscat sostna li dan huwa perjodu ferm mistenni mill-istabbilimenti Għawdxin għaliex jiġi wara perjodu kemmxejn kajman, “wara li nkunu għaddejna mill-perjodu tas-sajf u dak li jkun ikun qed iħares lejn dan il-perjodu bl-influss tal-Maltin u anke ż-żieda fit-turisti, fejn ikollok dik l-ispinta tant importanti fl-eqqel tax-xitwa.”
“Għalina, Għawdex huwa l-gżira tal-Milied. Dan għaliex mis-6 ta’ Diċembru sas-6 ta’ Jannar, għandek kalendarju kulturali ppakkjat u mhux kollox huwa konċentrat fil-belt Victoria. Issib attivitajiet f’kull rokna tal-gżira, fosthom kunċerti u anke wirjiet ta’ presepji fost oħrajn.
“Hemm fattur ieħor li Għawdex ikun imlibbes libsa festiva bid-dekorazzjonijiet li nsibu mill-ponta tal-Qala tal-ponta tal-Għarb f’kull roundabout u f’kull triq li għandna. Dak jagħti dik id-dehra sabiħa li tikkumplimenta ħafna dawn iż-żminijiet. Għawdex minnu nnifsu sar attrazzjoni tal-Milied.
“L-attivitajiet jilħqu l-qofol tagħhom b’Bethlehem f’Għajnsielem, attrazzjoni qawwija u għaliha jitilgħu eluf ta’ Maltin, li tinsab ftit minuti mixi bogħod mill-Imġarr,” tenna s-Sur Muscat.
Huwa fakkar ukoll li wara dan il-perjodu, fl-ewwel ġimgħat ta’ Frar, se tkun qiegħda tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Pawl, San Valentinu u anke se jittella’ l-Karnival. Aktar ’il quddiem imbagħad tiġi ċċelebrata l-festa tal-Għid.
“Għandek dawn l-attivitajiet kollha fil-ġimgħat li ġejjin. Mertu jmur għall-istabbilimenti Għawdxin, il-Ministeru t’Għawdex u l-entitajiet kollha li jaħdmu flimkien biex ħloqna din in-niċċa partikolari f’dan iż-żmien tax-xitwa li qed jgħin biex nimmitigaw l-istaġjonalità,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-GTA.

