Minn MELVIN FARRUGIA
L-istat Awstraljan ta’ Victoria jista’ jispiċċa iżolat għal sentejn mill-kumplament tal-Awstralja.
Hekk sostna epidemologu ewlieni li wissa li Victoria jista’ jiġi magħluq minn mal-kumplament tal-pajjiż peress li reġgħu feġġew il-każi ta’ Coronavirus.
Il-Professur Tony Blakely mill-Università ta’ Melbourne qal li din iż-żieda fil-każi ta’ COVID-19 hi inkwetanti. Saħaq li sitta minn tmien stati u territorji eliminaw il-virus inċidentalment u b’hekk jinsabu f’dilemma dwar jekk u meta għandhom jiftħu l-fruntieri.
Qal li dawn qed jistaqsu għalxiex għandhom iħallu lil xi ħadd jidħol jekk għandhom biżżejjed riskju li jistgħu jerġgħu jdaħħlu l-virus mill-ġdid. Spjega li jekk Victoria ma jirnexxilux jeqred il-virus, allura se jkollu jaħdem f’iżolament mill-kumplament tal-Awstralja u dan sakemm ma jinstab vaċċin.
Blakely qal li biex jiġu eliminati l-każi kollha minn Victoria jaf jieħdu sentejn sakemm ma jittiħdux miżuri ta’ lockdown. Madankollu, spjega kif jekk jittieħdu l-miżuri neċessarji, allura l-każi jonqsu fi ftit xhur.
Kompla jispjega li jekk ikun hemm sitt ġimgħat ta’ lockdown bil-maskri, allura tkun qiegħed f’50% ċans li telimina l-virus f’sitt ġimgħat. Qal li dan iċ-ċans issa jaf naqas peress li n-numru ta’ każi qed jibqa’ għoli, però saħaq li dan xorta għadu possibbli.
Dan il-professur żvela wkoll li jista’ jkun hemm restrizzjonijiet ta’ stadju erbgħa. Wissa li jekk il-każi ma jibdewx jonqsu fil-ġimgħa li ġejja, l-istati jista’ jkollu jagħmel lockdown u jagħlaq anke ċerta industriji essenzjali. Fost l-oħrajn, semma li jista’ jitwaqqaf is-settur tal-kostruzzjoni u anke ħwienet oħra.
Ilum ġew identifikati 403 każi oħra f’Victoria, li jfisserr li issa hemm 7,125 każ. Ħames persuni oħra mietu matul il-lejl, li fosthom tlieta kienu anzjani li qegħdin jingħataw il-kura.