Monday, August 25, 2025

L-ISTAT SEKULARI

Aqra wkoll

Għalkemm il-Kostituzzjoni għadha tgħid li Malta hu pajjiż ta’ reliġjon Kattolika, b’mod ġenerali l-kunsens politiku hu li l-istat għandu jitmexxa skont prinċipji sekulari bħal fil-bqija (jew kważi) tal-Ewropa. Dan anke jekk il-PN għadu bis-sigla ta’ “Reliġjon u Patrija”. B’hekk matul is-snin, daħal iż-żwieġ ċivili, id-divorzju u ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, għalkemm għadhom “pendenti” l-ewtanasja u l-abort. 

Il-firda ċara fl-operat tal-istat bejn ir-reliġjuż u s-sekolari titħaddem b’mod effettiv fl-oqsma fejn il-bidliet twettqu. Ma qamux problemi għax f’okkażjonijiet nazzjonali, għadhom jiġu ċelebrati quddies pontifikali “statali”. Fejn l-eżerċizzju tal-prinċipji sekolari baqa’ dubbjuż  hu dwar il-kwistjonjiet “pendenti” u soġġetti għal kontroversja fost iċ-ċittadini. Hawn l-argumenti li jintużaw kontra l-bidla jintrabtu b’mod ċar ma’ ideat u twemmin reliġjużi.

Sakemm dawn jirreferu għall-imġiba personali taċ-ċittadini, tifhimha. Imma mhux meta jintużaw b’mod li jirrifletti fuq l-istituzzjonijiet tal-istat. Per eżempju, ma narahx leġittimu argument li għadu jintuża biex isostni: Skond is-surveys li jsiru, maġġoranza tal-popolazzjoni tgħid li hi Kattolika. Mela b’mod tassattiv, il-liġijiet tal-istat għandhom isegwu l-preċetti Kattoliċi.

VJOLENZA DOMESTIKA

Impressjonanti n-numru ta’ każi ta’ vjolenza domestika li qed jitqanqlu u jaslu sal-qrati, fil-maġġoranza kbira tagħhom, ta’ ċerta gravità. Ħaġa ċara – wieħed jimmaġina – li qed ikun hemm daqstant każi mhux għax għal xi raġuni żdiedu fis-soċjetà tagħna r-reati ta’ dat-tip, imma għax jeżisti għarfien dejjem aħjar tal-eżistenza tagħhom, għarfien li qed jissaħħaħ, waqt li qed jittieħdu l-passi meħtieġa. L-istess qed jiġri f’soċjetajiet Ewropej oħra fejn ukoll il-vjolenza domestika kienet tibqa’ minsija jew injorata.

Hemm bżonn ukoll li sa mit-tfulija, iċ-ċittadini jkunu mgħallma dwar dit-tip ta’ vjolenza, xi jwassal għaliha, u kif għandna neqirduha għal kollox minn drawwietna. Tajjeb li, kif jidher, mexjin f’did-direzzjoni.

IL-PUNENT

Il-pajjiżi tal-hekk imsejjaħ “Punent” jinsabu f’qagħda ta’ diżgwid bla preċedent. Xejn ma wera dan daqstant ċar bħal ma għamlet il-“konferenza stampa” li saret ġimgħa ilu fil-White House, immexxija mill-President Amerikan Trump, b’imdawwra miegħu ma’ mejda fost oħrajn, il-kanċellier Ġermaniz Merz, il-President Franciż Macron, il-Prim Ministru Brittaniku Starmer, il-Prim Ministru Taljana Meloni, il-President Ukren Zelenski fost oħrajn. 

Kollha fittxew li jifirħu lil Trump tal-laqgħa tiegħu fl-Alaska mal-President Russu Putin, kollha insistew fuq il-ħtieġa li l-Ukrajna tingħata garanziji ta’ sigurtà, waqt li ħadd ma ażżarda jsemmi jekk Trump hux se jġiegħel lill-Ukreni jċedu territorju lir-Russja, jew għaliex qed jibdel il-kumpass ta’ ħidmietu kif ifettillu u jħarbat l-għaqda tal-“Punent”. Il-biċċa kollha qed tiżviluppa f’telenovela tal-akbar importanza. Tista’ twassal għal gwerra kbira oħra fl-Ewropa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport