Wednesday, December 25, 2024

L-ISTATI UNITI

Aqra wkoll

M’hemmx dubju: l-Istati Uniti huma wieħed mill-isbaħ u l-aktar pajjiżi interessanti tad-dinja, u f’ħafna tifsiriet ta’ kif dawn il-kwalitajiet tista’ tqishom u tapprezzahom. Jien dejjem stqarrejt dil-ħaġa bla riżervi fuq il-bażi tal-esperjenza personali tiegħi f’dak il-pajjiż, għalkemm meta wasalt fih għall-ewwel darba kelli l-preġudizzji tiegħi.

Bla dubju wkoll, il-pajjiż għandu d-difetti, uħud minnhom kbar ħafna. Imma liema pajjiż m’għandux?

L-akbar wieħed tal-Istati Uniti hu li tqis li għandu jkollha pre-eminenza fid-dinja. Jekk jidħol xi biża’ li dil-ħaġa tista’ titlifha, fil-ħidma li trid issir biex ma jiġrix hekk, kollox hu permess. Hi attitudni li l-imperi ħeġemoniċi dejjem qiesu li kienet il-prerogattiva tagħhom, minn Ruma sal-imperu Brittaniku.

Għedt li hu difett tal-Istati Uniti. Forsi aktar hu korrett tgħid li dal-mod kif jitqanqlu u jitmexxew l-inizjattivi biex il-pajjiż ma jħallix min jikkompetilu jappartjeni mhux lill-poplu Amerikan kollu, daqskemm lill-elites li jmexxuh.

AKTAR ĦSIEB?

Forsi hu minnu li r-regolamenti l-ġodda dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi fl-industrija tal-bini jridu aktar ħsieb. Mhux biex jitwaqqaf dak li sar sa issa. Anzi, dan għandu jibqa’ għaddej. Imma biex malajr kemm jista’ jkun, ir-regolamenti jsiru aktar sodi u ċari. 

Wieħed ikollu jiddubita kemm il-problemi kbar li jinqalgħu fis-settur huma marbuta biss mal-livell ta’ sengħa li jkollhom dawk li jidħlu għax-xogħol. Li dil-problema teżisti, iva. Imma problemi oħra jinqalgħu minħabba kif jingħataw l-appalti u kif impriżi tal-bini jidħlu għal proġetti, b’impatt qawwi fuq l-issettjar u t-tmexxija tal-lantijiet tax-xogħol.

Lanqas huma biss l-operaturi li waħidhom iġorru r-responsabbiltà. Żgur hemm ukoll dik tal-professjonisti li jfasslu, jivverifikaw u jiċċertifikaw kif il-bini jkun qed jitla’.

Jekk qed nifhem tajjeb, ir-regolamentazzjoni li qed tiddaħħal bl-ebda mod ma tinvolvi dawn l-aspetti.

DISTRIBUZZJONI VERSU PROVISTA

Il-kriżi ta’ dax-xahar fil-provista tad-“dawl” lid-djar u l-azjendi reġgħet poġġiet is-serċlajt fuq id-dilemma li għal deċennju wara l-ieħor kellhom jaffaċċjaw l-impriżi li huma responsabbli mill-enerġija, l-ilma (u s-servizzi tal-kumnikazzjoni “publika” – telefonika, elettronika eċċ., kif ukoll trasport).

Fejn kellhom ipoġġu l-emfażi meta jiġu biex jinvestu? Fil-ħolqien ta’ aktar faċiltajiet li jipproduċu s-servizz, jew fl-istallazzjonijiet li jqassmuh (jiddistribwuh) lill-utenti?

B’mod ġenerali, il-preferenza l-aktar li ngħatat kien lejn l-investimenti ġodda tal-produzzjoni. Nifhem l-argument li dan ġara l-aktar għax din id-deċiżjoni hi politikament aktar sexy. Imma wara dil-preferenza, tinsab ukoll il-biża’ li tassew, stajna nispiċċaw fixxa: li l-provista ma tlaħħaqx mad-domanda. 

Jekk qed nara tajjeb l-affarijiet, fejn l-emfażi ngħatat l-aħjar bilanċ lejn id-distribuzzjoni kien fil-qasam tal-provista tal-ilma. Dwar oqsma oħra, is-sitwazzjoni mhiex ċara.

Ekonomija

Sport