Monday, December 23, 2024

L-Istati Uniti determinata li twettaq l-evakwazzjonijiet minkejja l-attakk

Aqra wkoll

Il-President Amerikan Joe Biden qal li l-Istati Uniti se tkompli għaddejja bl-evakwazzjonijiet minkejja l-attakk ġiħadista li qatel iktar minn 90 persuna – fosthom 13-il suldat Amerikan. 

Biden qal li, “aħna jeħtieġ li nkomplu din il-missjoni u hekk se nagħmlu,” filwaqt li wiegħed li se jinstabu dawk responsabbli.

Mill-15 ta’ Awwissu ’l hawn ġew evakwati iktar minn 100,000 persuna mill-Afganistan, eżattament minn wara li dan il-pajjiż waqa’ f’idejn it-Taliban. 

Minkejja n-numru sostanzjali ta’ persuni evakwati, għad hemm numru kbir ta’ Afgani jistennew li jmiss lilhom biex jitilqu mill-pajjiż. Il-forzi tal-Istati Uniti għandhom sal-31 ta’ Awwissu biex jagħmlu l-evakwazzjonijiet kollha. Min-naħa tiegħu Biden saħaq li huwa jinsab determinat li jwettaq din il-missjoni b’suċċess filwaqt li qal li huma mhux se jkunu mxekk­la mit-terroristi. 

L-attakk terroristiku ta’ nhar il-Ħamis kien maqsum fi tnejn. Attakk minnhom seħħ qrib Abbey Gate – il-post fejn il-forzi Amerikani u Britanniċi qed jipproċessaw il-persuni biex jidħlu fl-ajruport ta’ Kabul u wara kien hemm skambji ta’ tiri t’armi tan-nar. Ftit minuti wara mbagħad kien hemm splużjoni ġewwa lukanda li qiegħda tiġi użata mill-forzi Britanniċi biex tipproċssa lil dawk l-Afgani li qed jittamaw li jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit.

F’dawn l-aħħar jiem l-uf­fiċjali tal-Istati Uniti u anke dawk Ingliżi kienu wissew lin-nies li hemm riskju kbir ta’ attakk mill-IS-K li hija fergħa tal-grupp terroristiku Stat Iżlamiku. Iżda minkejja dan xorta waħda folol kbar ta’ nies komplew jinġabru barra l-bini tal-ajruport bil-għan li jiġu evakwati. Il-grupp IS-K refa’ r-responsabbiltà tal-attakk tal-Ħamis. Dwar dan l-attakk Biden qal, “aħna mhux se naħfru. Mhux se ninsew. Se nsibukom u se tħallsu ta’ għemilkom.”

Ekonomija

Sport