Thursday, April 25, 2024

L-ekonomija baqgħet b’saħħitha fil-pandemija

Aqra wkoll

Fil-perjodu bejn April u Ġunju ta’ din is-sena, il-Prodott Domestiku Gross (PDG) ta’ pajjiżna żdied b’€448.6 miljun u ammonta għal ftit inqas minn €3.5 biljuni li fisser qabża ‘l fuq ta’ 14.8% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2020.

F’termini ta’ volum il-PDG kiber bi 13.4% wara li s-sena l-oħra kien naqas bi 15% b’riżultat tal-imxija pandemika tal-Covid-19.

Stimi proviżorji publikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSO) għat-tieni kwart tas-sena 2021 urew ukoll li l-Gross Value Added (GVA) kiber bi 13.8% f’termini nominali u 12.3% f’termini ta’ volum.

Il-kontributuri ewlenin għal dan it-tkabbir ta’ 12.3% fil-GVA kienu l-attivitajiet fis-settur tas-servizzi, l-industrija u l-kostruzzjoni.

It-taxxi netti fuq prodotti wkoll ikkontribwew pożittivament għat-tkabbir tal-PDG b’żieda ta’23.9% f’termini ta’ volum.

Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, b’rabta ma’ dawn l-istimi proviżorji, il-Prim Ministru Robert Abela qal: “F’pandemija żammejna l-ekonomija b’saħħitha. Irreġistrajna tkabbir ekonomiku (13.4%) u investiment rekord li jixhed kif Malta qabdet sew it-triq tal-irkupru. B’hekk se nkomplu ninvestu fi proġetti importanti u sbieħ fiż-żmien li ġej.”

Sport