Warren Azzopardi kiseb unur importanti wara li rnexxielu jistabbilixxi rekord nazzjonali ġdid fil-gżejjer Maltin fl-isport tal-veloċità tal-karozzi kkontrollati mill-bogħod (Remote Control Cars).
It-tim ta’ Malta Records kellu l-pjaċir jiltaqa’ ma’ Warren, dilettant kbir ta’ dan il-passatemp, sabiex jippreżentalu r-rikonoxximent uffiċjali għal dan ir-rekord nazzjonali ġdid.
Ir-rekord inkiseb fid-19 ta’ Lulju 2025, waqt kompetizzjoni li saret fi Sqallija, fejn Warren irnexxielu jsuq il-karozza Arrma GT Perfect Pass b’kontroll mill-bogħod u jilħaq veloċità impressjonanti ta’ 303 kilometri fis-siegħa fi żmien disa’ sekondi.
Dan ir-riżultat huwa kisba notevoli għal Warren, li f’dan il-vjaġġ għandu wkoll l-appoġġ ta’ grupp ta’ ħbieb tal-qalb li jgħinuh u jinkoraġġih iwettaq il-ħolm tiegħu.
Issa, l-għan tiegħu huwa li jkompli jaħdem u jirfina l-ħiliet u t-tagħmir tiegħu, bit-tama li fil-futur ikun jista’ joqrob lejn rekord dinji f’dan il-qasam.
Minn qalbna nawguraw lil Warren Azzopardi aktar suċċessi fil-futur u nittamaw li din il-kisba tkun biss il-bidu ta’ aktar tragwardi sbieħ!
