Il-President Donald Trump ta struzzjonijiet lill-mexxejja militari tal-Istati Uniti biex jerġgħu jibdew jittestjaw l-armi nukleari sabiex iżommu l-pass ma’ pajjiżi oħra bħar-Russja u ċ-Ċina. Il-programm ta’ ttestjar nukleari tħabbar minn Trump innifsu fuq il-midja soċjali eżatt qabel ma kellu jiltaqa’ mal-President Ċiniż Xi Jinping fil-Korea t’Isfel.
L-istruzzjonijiet tiegħu lill-militari Trump tahom ftit jiem biss wara li kkundanna lir-Russja talli ttestjat missila b’enerġija nukleari, li allegatament għandha firxa limitata.
Fil-kitba tiegħu fuq il-midja soċjali nhar l-Erbgħa filgħaxija Trump jirrikonoxxi l-qawwa distruttiva tremenda tal-armi nukleari, iżda qal li ma kellu l-ebda għażla oħra ħlief li jaġġorna u jirrinova l-armament tal-Istati Uniti. Madankollu, ma inkluda l-ebda dettalji dwar kif se jsiru t-testijiet ħlief li l-proċess se jibda immedjatament.
L-aħħar test tal-armi nukleari tal-Istati Uniti kien sar fl-1992, qabel ma l-eks President Repubblikan George HW Bush ħareġ moratorju hekk kif ġiet fi tmiemha l-Gwerra Bierda.
Sadanittant, ir-Russja ħabbret matul tmiem il-ġimgħa li kienet ittestjat b’suċċess żewġ armi ġodda kapaċi jġorru testati nukleari. Dawn inkludew missila li l-Kremlin qal li tista’ tippenetra s-sistemi ta’ difiża tal-Istati Uniti, u drone taħt l-ilma msejjaħ Poseidon, kapaċi jolqot il-kosta tal-punent Amerikana u jqanqal mewġ radjuattiv fl-oċean.
Skont ħassieba taċ-Ċntru Amerikan għall-Istudji Streteġiċi u Internazzjonali (CSIS), iċ-Ċna bejn wieħed u ieħor irduppjat l-armament nukleari tagħha fl-aħħar ħames snin u hija mistennija li taqbeż l-1,000 arma sal-2030.
L-istokk nukleari tal-Istati Uniti bħalissa huwa ta’ madwar 5,225 testata, filwaqt li r-Russja għandha ftit iktar, madwar 5,580, kif irrapporta l-Arms Control Association.
Id-dikjarazzjoni ta’ Trump ġiet ukoll madwar 100 jum qabel l-iskadenza tat-Trattat il-Ġid għat-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (New Start) fi Frar 2026 – l-aħħar trattat li fadal dwar l-armi nukleari bejn l-Istati Uniti u r-Russja. Dan il-ftehim jillimita lil kull pajjiż għal mhux iktar minn 1,550 testata fuq missili skjerati li kapaċi jaqsmu l-kontinenti.
L-aħħar darba li l-Istati Uniti ttestjaw bomba nukleari kien fit-23 ta’ Settembru 1992. It-test kien sar f’faċilità taħt l-art fl-istat tal-punent ta’ Nevada.



