Sunday, December 22, 2024

L-Istati Uniti, l-Eġittu u l-Qatar jappellaw lill-Iżrael u l-Ħamas għall-waqfien mill-ġlied u l-ħelsien tal-ostaġġi

Aqra wkoll

L-Istati Uniti, l-Eġittu u l-Qatar laħqu ftehim flimkien, fejn qed jappellaw lill-Iżrael u l-Ħamas biex flimkien magħhom isir ftehim f’forma ta’ negozju bil-għan li jasal għat-twaqqif mill-ġlied u l-ħelsien tal-ostaġġi.

Huwa mifhum li dan kollu qed jitqies bħala tentattiv biex it-tensjonijiet reġjonali jitnaqqsu u jikkontrollaw ruħhom, speċjalment wara li l-mexxej tal-Ħamas Ismail Haniyeh inqatel il-ġimgħa li għaddiet.

Fi stqarrija, it-tliet nazzjonijiet stiednu lill-Iżrael u lill-Ħamas biex jerġgħu jibdew it-taħditiet fil-15 ta’ Awwissu. Fl-istqarrija ingħad li huma se jservu bħala medjaturi, fis-sens li lesti li jippreżentaw proposti sabiex jissolvew il-problemi illi hemm.

L-istess stqarrija ġiet iffirmata mill-President Amerikan Joe Biden, mill-President Eġizzjan Abdel Fattah el-Sisi, u mill-Emir tal-Qatar Sheikh Tamim bin Hamad Al Thani.

Fi stqarrija nhar il-Ħamis filgħaxija, is-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti Lloyd Austin qal li kien tkellem mal-Ministru tad-Difiża Iżraeljan Yoav Gallant biex jinfurmah dwar il-bidliet fil-forzi tal-Istati Uniti fir-reġjun.

Qed jiġi rrapurtat ukoll li l-Ħamas qed timbotta għal waqfien mill-ġlied, iżda l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li l-kunflitt jista’ jieqaf biss ladarba l-Ħamas jinħakem mill-iżrael kompletament.

Ekonomija

Sport