Wednesday, July 24, 2024

L-Istati Uniti tgħid li Iżrael “aċċetta ftehim ta’ waqfien mill-ġlied ta’ sitt ġimgħat”

Aqra wkoll

Qed ikun irrapportat li Iżrael aċċetta “proviżorjament” ftehim ta’ sitt ġimgħat għal waqfien mill-ġlied b’diversi fażijiet u li se jibda bil-ħelsien tal-ostaġġi midruba, anzjani u nisa. Madankollu, uffiċjali Amerikani sostnew li għadu mhux ċar jekk il-Ħamas aċċettax dan il-ftehim.

It-taħditiet saru f’Doha, il-kapitali tal-Qatar, matul il-jum tas-Sibt u kienu mistennija li jissoktaw f’Kajr matul il-jum tal-Ħadd.

L-Istati Uniti qalet li waqfien mill-ġlied estiż kien “l-aktar rotta diretta” sabiex jitwasslu kunsinni ta’ għajnuna fuq skala kbira f’Gaża, filwaqt li ssuġġeriet li l-ftehim kien viċin li jintlaħaq.

“It-triq għal waqfien mill-ġlied bħalissa, litteralment f’din is-siegħa, hi sempliċi,” qal uffiċjal anzjan tal-Istati Uniti. “U hemm ftehim fuq il-mejda. L-Iżraeljani xi ftit jew wisq aċċettawh. U se jkun hemm waqfien mill-ġlied ta’ sitt ġimgħat f’Gaża li jibda jekk il-Ħamas jaqbel li jeħles il-kategorija definita awtomatikament ta’ ostaġġi vulnerabbli: il-morda l-midruba, l-anzjani u n-nisa.”

“Qegħdin naħdmu l-ħin kollu biex naraw jekk nistgħux inġibu dan il-ftehim fis-seħħ matul il-ġimgħa li ġejja,” qal l-uffiċjal. Huwa qal li l-Iżrael kien “bażikament” aċċetta l-ftehim, iżda ma speċifikax jekk kienx għad kellu riżervi jew li kieku kien hemm, x’inhuma dawk ir-riservi.

Ekonomija

Sport