Tuesday, May 14, 2024

L-Istati Uniti u ċ-Ċina jwissu lil xulxin dwar it-Tajwan

Aqra wkoll

Il-mexxej taċ-Ċina u dak tal-Istati Uniti kellhom kliem ta’ twissija għal xulxin dwar it-Tajwan. Dan waqt telefonata li kellhom, liema telefonata damet iktar minn sagħtejn.  Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal lill-mexxej Ċiniż Xi Jinping li l-pajjiżu hu kontra kull mossa biex l-istatus ta’ din il-gżira jinbidel u saħaq li l-politika tal-Istati Uniti dwar it-Tajwan ma nbidlitx. Min-naħa l-oħra, Xi wissa lil Biden biex jonora l-prinċipju ta’ “Ċina Waħda” u wissieh li “min jilgħab man-nar jinħaraq”.

It-tensjoni f’din il-parti tad-dinja żdiedet fl-aħħar jiem hekk kif ħarġu rapporti li Nancy Pelosi, li hija l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti, se tkun qiegħda żżur it-Tajwan. Dwar dan, id-dipartiment tal-istat Amerikan qal li Pelosi ma ħabbret l-ebda pjan li se żżur it-Tajwan, iżda ċ-Ċina wissiet dwar “konsegwenzi serji” jekk din twettaq  iż-żjara. Pelosi hija l-ogħla politiku tal-Istati Uniti wara l-President u l-Viċi President. 

Uffiċjali tal-amministrazzjoni ta’ Biden iddeskrivew din it-telefonata bħala “diretta u onesta” u fiha ż-żewġ mexxejja tkellmu dwar il-possibbiltà ta’ laqgħa wiċċ imb wiċċ. Iċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala provinċja li marret għal rasha u li jeħtieġ li terġa’ ssir parti miċ-Ċina – u naqset milli tiċħad li jista’ jkun hemm l-użu tal-militar biex isir dan. Taħt il-prinċipju ta’ “Ċina Waħda”, Washington ma tirrokonoxxix lit-Tajwan diplomatikament, iżda xorta waħda tbigħilha l-armi biex il-gvern demokratiku jkun jista’ jiddefendi l-gżira.

Sport