Sunday, November 24, 2024

L-ISTENNIJA FL-EMERĠENZA M’GĦANDHA QATT IDDUR F’BALLUN POLITIKU

Aqra wkoll

F’demokrazija attiva kulħadd għandu dritt li jesprimi l-opinjoni tiegħu inkluż politiċi li verament jemmnu li b’dak li jressqu għad-diskussjoni jkunu ġenwinament qegħdin jagħmluh fl-interess tal-ġid komuni. Madanakollu nemmnu li dak li jinkiteb jew jintqal għandu jkun meqjus speċjalment jekk fin-nofs hemm is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Ngħidu dan wara li din il-ġimgħa l-gvern ippropona diskussjoni parlamentari serja u urġenti b’rabta mal-aħħar żviluppi relatati mas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ċivili b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet. Hija ħasra kbira li diskussjoni matura spiċċat f’livell li tirredikola l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż kif ukoll il-ħidma sfieqa li qegħdin jagħmlu diversi infermiera u tobba fl-Isptar Mater Dei. Nemmnu li mhix diskussjoni matura li jkollok deputati fl-Oppożizzjoni li filwaqt li l-parlament qiegħed jiddiskuti dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, iressqu retorika ta’ pazjenti fl-Emerġenza u dewmien żejjed minn ċertu pazjenti f’dan id-dipartiment.

Dan ma ngħiduhx aħna biss. Fl-aħħar sigħat tkellem wieħed mit-tobba li ismu xejn mhu ġdid fil-qasam u li huwa mfaħħar ferm għall-ħidma tiegħu f’diversi każi. Huwa qabbel il-ġurnata tiegħu u tat-tim mill-Isptar Mater Dei ma’ ġurnata fil-gwerra minħabba l-ammont kbir ta’ pazjenti li ndarbu gravi jew saħansitra tilfu ħajjithom fi ftit sigħat. Ġenwinament huwa appella biex qalb il-ħajja mgħaġġla, kull individwu jkun responsabbli u jnaqqas it-tferfix għax f’sekonda jista’ jipperikola ħajtu u ħajjet ħaddieħor.

L-istatistika tal-vetturi li qegħdin ikomplu jiżdiedu fit-toroq tagħna hija waħda li titkellem waħidha u s’issa jidher li minkejja ċertu sforzi biex il-gvern itaffi din il-problema fosthom trasport pubbliku bla ħlas, jidher li għandna ’l bogħod ferm biex nilħqu l-miri.

Skont statistika Ewropea rriżulta li matul is-sena li għaddiet fit-toroq tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea tilfu ħajjithom aktar minn 20,000 persuna kawża ta’ inċidenti tat-traffiku. Proprju mehmużin mal-istess statistika, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tressaq numru ta’ proposti fosthom il-bżonn ta’ iżjed infurzar fuq is-sewwieqa b’rabta mad-distanza li tinżamm bejn il-karozzi waqt is-sewqan, parkeġġ b’mod perikoluż, vetturi mgħobbija ż-żejjed, sewwieqa li jaqbżu minn karreġġjata għal oħra bl-addoċċ inkluż meta jkun hemm linja jew linji solidi jifirdu l-karreġjati u saħansitra sewwieqa li jidħlu wrong way.

Ilna snin f’Malta nassistu għal inċidenti fatali fit-toroq tagħna. Konxju ta’ dan fl-aħħar xhur il-gvern Malti ħabbar żieda fil-multi u anke tnaqqis ta’ punti relatati mal-ksur ta’ dawn ir-regolamenti u dan jikkonferma li mhux minnu li f’pajjiżna mhix tittieħed azzjoni.

Nemmnu li r-regolamenti huma parti mit-triq ’il quddiem. L-infurzar hija parti oħra kruċjali għas-sikurezza fit-toroq, li s’issa sfortunatament jidher li għadha mhix taħdem biżżejjed għalkemm mistennija li jiżdiedu l-uffiċjali fil-ġimgħat li ġejjin.

Imma fuq kollox il-Malti jgħid li trid tgħin ruħek biex Alla jgħinek u ma jistax ikun li kull min ikun fit-triq jibqa’ joqmos wara l-isteering għax kull sewwieq għandu responsabbiltà kbira lejn ħaddieħor. M’għandniex xi ngħidu, iktar kemm se jibqgħu jiżdiedu l-pazjenti kaġun ta’ dawn l-inċidenti, l-istennija bilfors li se tkompli tiżdied u kif qal tajjeb fl-aħħar ġimgħat il-Ministru tas-Saħħa, il-professjonisti janalizzaw il-kundizzjonijiet tal-pazjenti sa qabel jaslu u jekk dawk fi stat gravi jew serju jkunu ħafna, hija evidenti li dawk li jidħlu minħabba preokkupazzjonijiet oħra jkollhom jistennew anke sigħat biex jinqdew.

Sport