Wednesday, April 24, 2024

L-ISTITUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Waqt li togħla t-temperatura politika dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew wieħed irid iżomm f’moħħu xinhu tassew ir-rwol tal-Parlament fost l-istituzzjonijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropew. Hu maħsub bħala d-driegħ ta’ demokrazija diretta bejn iċ-ċittadini Ewropej u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’dan, irid ikun ta’ kontrapiż għall-Kummissjoni Ewropea, inkarigata mit-tmexxija eżekuttiva tal-programmi Ewropej, u l-Kunsill tal-Ewropew li flimkien mal-Kunsill tal-Ministri jiddeċiedu fuq il-linji strateġiċi tal-ħidma Ewropea.

Il-Parlament dejjem jipprova jwessa l-kompetenzi tiegħu biex jirrifletti l-karattru “demokratiku” tiegħu. L-istituzzjonijiet l-oħra jaraw kif iżommuh lura. Fir-realtà, għadu l-aktar korp Ewropew dgħajjef għalkemm għaraf matul is-snin, jgħolli l-profil bħala ċentru ta’ poter “artab” waqt li rnexxielu kemm-il darba jqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet ta’ interess għaċ-ċittadini li altrimenti kienu jintesew.

Minn perspettiva Maltija, l-Parlament hu l-istituzzjoni fejn l-anqas nistgħu neżerċitaw influwenza. Xejn ma għandu x’jaqsam li Roberta Metsola intgħażlet bħala President tal-Parlament u aktar anqas ċerti wegħdi li jsiru dwar kif mill-Parlament dan jew dik se jassiguraw il-futur ta’ Malta. Fih kull ma għandna huma sitt membri. Fih la hemm xi regola ta’ unanimità u lanqas waħda ta’ maġġoranza kwalifikata.

BORD TAL-COPYRIGHT

Iltqajt ma’ rappreżentanti tal-għaqda li tindokra l-interessi finanzjarji ta’ artisti Ewropej u oħrajn. Huma responsabbli milli jiġbru d-drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet artistiċi u kulturali meta jintużaw/jindaqqu. Semmewli kif fl-aħħar żmien, kienu rrivedew it-tariffi li jistgħu jiġu ċċarġjati fuq ix-xogħlijiet ta’ artisti Maltin ħalli jirriflettu l-għoli tal-ħajja li seħħ fl-aħħar snin.

Biss, biex id-deċiżjoni tagħhom tista’ titwettaq f’Malta, jeħtieġu deċiżjoni mill-Bord tal-Copyright. Issa minnu xi żmien ilu, dejjem skont huma, kien irriżenja membru li baqa’ ma ġiex sostitwit. Fin-nuqqas ta’ dal-membru jew ta’ xi ħadd minfloku, il-Bord ma jistax jaħdem u lanqas hu imwaqqaf. Id-deċiżjoni biex jiżdiedu t-tariffi ta’ ħlas lill-artisti għax-xogħol tagħhom baqgħu ma jistgħux jitwettqu.

Sibtha ħaġa ftit diffiċli nemmen din l-istorja.

ORIĠINI

Sistema li teżisti fl-Ewropa hi li bħala mezz ta’ ħarsien għall-prodotti tradizzjonali tagħhom — l-aktar tal-biedja imma mhux biss — jinħolqu regolamenti li jiggarantulhom isem ta’ prodott li ħaddieħor ma jistax jirkeb fuqu. Ma jkunx jistax jinbigħ bl-irħis prodott li jixbaħ dak tradizzjonali waqt li jinħadem b’mod li mhux tradizzjonali.

Teżisti fost oħrajn fl-oqsma tal-produzzjoni tal-inbejjed, tal-ġobon, tal-laħmijiet preżervati. F’Malta jintqal li dal-proċess ta’ rikonoxximent Ewropew qed isir, bħal fil-każ tal-għasel. Numru ta’ prodotti jixirqilhom jiġu rikonoxxuti b’dal-mod. Dawk li kisbuh jew se jiksbuh messhom jingħataw aktar publiċità fuq skala nazzjonali. Tajjeb li nkunu nafu min huma u aktar dwarhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport