Saturday, December 21, 2024

L-istorja ta’ Frida Kahlo rrakkuntata permezz taż-żfin fil-Manoel

Aqra wkoll

Produzzjoni ġdida taż-żfin dwar il-ħajja ta’ Frida Kahlo se tittella’ dalwaqt fuq il-palk tat-Teatru Manoel.

Frida Kahlo – Defining Moments isegwi l-ħajja tal-artista leġġendarja Messikana, mill-arti tagħha li tqanqal il-ħsieb sal-imġiba xejn konvenzjonali tagħha. Il-koreografu u żeffiena rebbieħa ta’ diversi premjijiet, Diane Portelli, ħolqot din il-produzzjoni bi sħab bejn it-Teatru Manoel u Moveo Dance Company, imnebbħa kemm mill-karattru b’saħħtu ta’ din l-artista famuża kif ukoll mill-umanità tagħha.

“Fejn tidħol Frida xejn ma kien sempliċi u bla kumplikazzjonijiet, u huwa dan li jagħmel l-istorja ta’ ħajjitha daqstant relatabbli sal-ġurnata tal-lum,” spjegat is-Sa Portelli. “Frida kienet ispirazzjoni u simbolu ta’ forza interna. Saret artista magħrufa mad-dinja kollha minkejja li kienet minn raħal ċkejken Messikan, fi żmien ta’ dominanza maskili. Sfidat l-aspettattivi tas-soċjetà u ġġieldet għal dak li kienet temmen li kien ġust. Kellha difetti daqs kemm kellha preġji, u dan għamilha umana. L-intensità emozzjonali u l-firxa immaġinattiva tax-xogħol tagħha jispirawni immens bħala mara, bħala koreografu, iżda fuq kollox, bħala persuna.”

Bil-għan li jagħti ġieħ lil waħda mill-aktar nisa ta’ żmienha li ħallew impatt, Frida Kahlo – Defining Moments jirrappreżenta l-passjoni tal-artista għall-Messiku, ir-relazzjonijiet amorużi tagħha, żewġha Diego Rivera – artist magħruf Messikan u attivist politiku – kif ukoll l-uġigħ sentimentali u fiżiku li sofriet.

Sabiex jittrażmettu l-karatteristiċi fiżiċi distinti ta’ Kahlo u l-ispirazzjoni tagħha għal xogħlijiet artistiċi daqstant vividi, iż-żeffiena ta’ Moveo ntefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom fi proċess kreattiv intens u kollaborattiv. Intant, id-disinjatriċi tal-kostumi Ritianne Zammit u l-kompożitur tal-mużika Albert Garzia jikkumplimentaw il-koreografija tas-Sa Portelli hekk kif jirriflettu l-passjoni tal-artista lejn il-kultura Messikana tagħha u d-dikjarazzjonijiet politiċi b’saħħithom li għamlet bl-ilbies tradizzjonali Tijuana li kienet tilbes.

Moveo Dance Company ittella’ spettakli ta’ żfin kontemporanju kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment f’Londra, Berlin, Washington DC, id-Danimarka, Bruno Cz, Liberec Cz u r-Rumanija. Diane Portelli saret Direttur ta’ Moveo fl-2016, u flimkien mad-Direttur Artistiku Dorian Mallia rebħu l-premju prestiġjuż Premju għall-Arti bħala Artisti tas-Sena 2018. Moveo Dance Company irċeviet il-Premju għall-Aqwa Impriża Kreattiva, kif ukoll il-premju magħżul mill-pubbliku għall-Aqwa Produzzjoni għall-ispettaklu tagħha Diversely Typical li ttella’ waqt l-ewwel edizzjoni tal-Premjijiet STEM għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija organizzata mill-Esplora. Bħala benefiċjarju tal-fond għall-Investiment f’Organizzazzjonijiet Kulturali (ICO), Moveo hija wkoll waħda mill-imsieħba kreattivi tal-Kunsill Malti għall-Arti.

“Huwa ta’ pjaċir kbir għalina li għal darb’oħra qed nikkollaboraw ma’ Moveo Dance Company, u se nilqgħu bi ħġarna fuq il-palk tal-Manoel l-interpretazzjoni unika tagħhom tal-ħajja ta’ din l-artista verament straordinarja,” qal il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, Massimo Zammit. “Din il-produzzjoni kkummissjonata mit-Teatru Manoel hi opportunità ideali mhux biss biex nifhmu l-ħajja ta’ Frida Kahlo iktar fil-fond, imma wkoll biex nesperjenzaw spettaklu ta’ żfin oriġinali u indimentikabbli maħluq minn uħud mill-ifjen artisti ta’ Malta.”

Frida Kahlo – Defining Moments se jittella’ fit-Teatru Manoel fl-10, 11 u 12 ta’ Ġunju fit-8pm. Dan l-ispettaklu huwa addattat għal membri tal-udjenza li għandhom sitt snin jew aktar. Skont il-linji gwida kurrenti b’rabta mas-saħħa pubblika, maskri u ċertifikati tal-vaċċin mhumiex meħtieġa għal din l-attività. Il-biljetti jistgħu jinkisbu permezz ta’ email lil [email protected], billi ċċempel fuq (+356) 21246389 jew inkella online minn www.teatrumanoel.mt.

Ekonomija

Sport