Tuesday, May 14, 2024

Joseph Bonnici jintbagħat 36 sena ħabs talli qatel lil ommu u lil oħtu

Aqra wkoll

Joseph Bonnici ta’ 41 sena kien ikkundannat 36 sena ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri li qatel lil ommu Maria Lourdes u lil oħtu Angele fir-residenza tagħhom f’Ħal Għaxaq. Il-qtil kien seħħ fil-lejl ta’ bejn is-26 u s-27 ta’ Marzu tas-sena 2019. 

L-Imħallef Aaron Bugeja, li ppresjeda l-Qorti Kriminali, sema’ lil Joseph Bonnici jammetti għall-akkużi ta’ qtil volontarju, li uża arma waqt reat, li spara arma f’post abitat, li bidel it-traċċi ta’ reat, li ħeba l-katavri ta’ persuni maqtula, li żamm arma tan-nar bla liċenzja u li ħadem apparat biex inaqqas il-ħoss ta’ sparatura fost oħrajn.

Mill-Att tal-Akkuża ħareġ li l-akkużat kien ippjana kollox, sal-inqas dettall biex iwettaq dan il-qtil b’tali mod li ma jinqabadx. Intqal li l-qtil doppju kien “imfassal metikolożament mill-akkużat f’erba’ fażijiet differenti: l-ewwel fażi kienet il-preparazzjoni, it-tieni fażi kienet tirrigwardja l-omiċidju, it-tielet fażi kienet kif se jaħbi l-katavri u t-traċċi tad-delitt u l-aħħar fażi kienet il-fabbrikazzjoni tal-għajbien tagħhom.”

Mill-Att tal-Akkuża ħareġ ukoll li omm u oħt l-akkużat kienu jafdaw sew lill-akkużat, tant li kien għalihom dik il-persuna fuq liema setgħu jistrieħu u kull meta kellhom bżonn xi għajnuna, huma kienu jsaqsu lilu. “Fejn qatt setgħu basru li f’moħħu kien qed jippjana l-omiċidju perfett fil-konfront tagħhom?” żied jingħad.

Intqal li l-akkużat kien ħoloq arma tan-nar li biha kellu joqtol lil ommu u lil oħtu u li qabel wettaq ir-reat mar f’għalqa li kien jaf biha, viċin ta’ fejn kellu l-għalqa tiegħu, u ħaffer ħofra biex hemmhekk jaħbi l-katavri. 

“Huwa għażel li dan id-delitt iwettqu fil-garaxx tiegħu fejn kien ipprepara xi karti u boroż biex ma jħammiġx l-art bid-demm u jkun jista’ jnaddaf malajr. Kien lesta wkoll mazza u kellu l-intenzjoni li jużaha wara li jisparalhom sabiex jaċċerta ruħu li effettivament qatilhom.”

“Fis-26 ta’ Marzu 2019, it-tfajla tal-akkużat kienet avżatu li kienet se ddum ma tidħol id-dar u kien previst ukoll li l-għada tagħmel ix-xita. Filgħaxija kien tajjar is-salvavita sabiex jinqata’ d-dawl fid-dar t’ommu u ta’ oħtu.”

Kompla jingħad li “wara li tajjar is-salvavita l-ewwel sejjaħ lil oħtu taparsi biex tgħinu u ħalla lil ommu fir-residenza tagħha. Qagħad wara oħtu u sparalha bl-arma tan-nar li kien bena. Eżatt wara taha daqqa ta’ mazza tant li sfrondalha wiċċha b’tali mod li ma baqgħetx tintgħaraf. 

“Wara li qatel lil oħtu u għattiha, reġa’ daħal għand ommu u qalilha li kellhom bżonn l-għajnuna tagħha. Intqal li din marret miegħu u sparalha f’rasha u wara taha daqqa bil-mazza biex ikun ċert li kienet mejta. 

“Meta kien ċert li kienu mejtin, sabiex ma jqattarx id-demm, għattielhom wiċċhom b’boroż tal-plastik u dawn il-boroż għalaqhom billi uża zip ties madwar għonqhom.

“Biex għabba l-katavri l-akkużat daħħal il-karozza fil-garaxx u pjanċa biex tgħinu jirrombla dawn l-istess katavri ġol-karozza. Meta wasal ħdejn l-għalqa, rama l-karettun li kellu fil-karozza, għabba lill-vittmi waħda waħda u waddahom fil-ħofra. Il-katavri kien għattiehom bil-ġir sabiex dawn ma jkunux jisttgħu jinstabu u jnaqqas ir-riħa filwaqt li jgħin id-dekompożizzjoni tal-istess katavri.”

L-Imħallef Bugeja sema’ wkoll li l-akkużat kien ħaraq l-oġġetti użati fid-delitt fir-residenza tiegħu stess. Il-mazza li kien uża pprova jaħraqha u meta nduna li ma kinitx se tinħaraq sew, ħadha f’ċentru tal-iskart goff sabiex jarmiha hemm. Din il-mazza kienet instabet mill-pulizija.

Intqal ukoll li l-għada tad-delitt, l-akkużat mar xtara powerwash mingħand il-LIDL li bih ħasel il-garaxx u tefa’ wkoll pitrolju mal-art għax ħass li kien għad hemm riħa ta’ demm qawwija. 

Wara li seħħ dan l-omiċidju, l-akkużat mar jirrapporta mal-pulizija li ommu u oħtu kienu neqsin u li ma kienx jaf fejn marru u għaliex setgħu telqu. 

Kien fit-30 ta’ Marzu tas-sena 2019, wara investigazzjonijiet mill-Pulizija, li wasslu għal suspetti kbar fl-akkużat. Huwa kien arrestat dakinhar stess u ħadulu numru ta’ stqarrijiet fejn stqarr mal-pulizija li kien minnu li qatel lil ommu u lil oħtu u spjegalhom fid-dettall kif wettaq ir-reat. 

Qabel ġie biex jagħti s-sentenza tiegħu, l-Imħallef Bugeja qies iċ-ċirkostanzi u l-fatti kollha tal-każ. Qies ukoll il-koperazzjoni tal-akkużat mal-pulizija u l-ammissjoni bikrija tiegħu. “Bis-saħħa ta’ din l-ammissjoni qabel is-smigħ tal-każ tiegħu, l-akkużat evita iżjed tbatija għal familjari oħra tal-vittmi u l-ħtieġa li jixhdu.”

Il-Qorti qieset li l-piena f’dan il-każ kienet tibbilanċja s-serjetà tar-reat imwettaq mill-akkużat meħud ukoll fl-isfond taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ mal-interessi tal-protezzjoni tal-komunità.

Minbarra l-piena ta’ 36 sena ħabs, Joseph Bonnici kien ikkundnnat iħallas is-somma ta’ €18,909 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-armi, munizzjon, għodod u l-vetturi jew inġenji li servew jew kellhom iservu biex jitwettaq id-delitt.

Il-Qort ħassret kwalunkwe liċenzja maħruġa taħt l-Att dwar l-Armi li kellu l-ħati filwaqt li pprojbietu milli jikseb liċenzja taħt l-istess att jew l-Att dwar l-Esplożivi għal perjodu massimu skont il-liġi. 

Sport