Hemm stejjer li ma jinstemgħux ħafna, imma li fihom jeżistu valuri bħal ġmiel u verità profondi. L-istorja ta’ Nadine, tfajla b’diżabilità li mhux biss ma titkellimx imma li ssib diffikultà fil-komunikazzjoni u fl-awtonomija tagħha, hija waħda minnhom. Permezz tal-għajnuna mill-Inspire Foundation, għaqda li toffri appoġġ lil individwi b’diżabilità u lill-familji tagħhom, Nadine mhux biss sabet post fejn tikber u titgħallem, imma wkoll fejn ħasset li hi importanti, bħal kull ħaddieħor.
Dan il-ġurnal ħa l-kummenti mingħand omm Nadine, li għaddiet minn snin twal tieħu ħsiebha hi u żewġha kollox għall-ġid ta’ binthom fejn il-messaġġ tagħha hu qawwi, ċar u emozzjonanti: “Qabel dejjem miegħi kienet – jien fil-kċina u hi ħdejja. Imkien ma kienet tmur. Issa sentejn tmur l-Inspire, u tieħu pjaċir tmur, qisha l-ewwel ġurnata kull darba.”
Nadine bdiet tattendi l-programmi tal-Inspire sentejn ilu, u minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-effetti kienu għal qalb il-familja kollha.
“Moħħi mistrieħ li hemm qed jieħdu ħsiebha ħafna,” tgħid l-omm tagħha, b’leħen mimli gratitudni. “Għandha min jieħu ħsiebha b’dedikazzjoni u b’imħabba. L-istaff hemmhekk huma taz-zokkor, kif jgħidu. Aħna nikkollaboraw u nagħmlu attivitajiet magħha biex timxi ’l quddiem fil-ħajja, mhux biss biex tqatta’ l-ħin.”
Waħda mill-akbar kisbiet ta’ Nadine kienet meta bdiet tiekol bil-furketta, ħaġa li għal ħafna tidher sempliċi, imma li għal din it-tfajla kienet qabża kbira lejn l-indipendenza li kulħadd tant xtaq.
L-omm tispjega hekk: “Saret taf tiekol bil-furketta. Il-komunikazzjoni tagħna bejnietna tjiebet. Hija ma titkellimx, imma b’ħarsitha u b’għajnejha jixegħlu kważi tgħid x’ġara u x’ma ġarax. Jiġi missierha u saret idawwarha rasha b’sinjal ta’ reazzjoni pożittiva. Hi ma titkellimx, imma tgħid ‘mama’ u ‘daddy’. Diġà tasal sa hawn, u dan hu diġa’ ħafna għalina.”
Fost l-akbar biżgħat ta’ kull ġenitur ta’ persuna b’diżabilità hemm mistoqsija li tgħolli rasha dejjem aktar ma jgħaddi ż-żmien: “Meta ma nkunx hawn jien,iġifieri meta l-Bambin se jsejħilna, min se jieħu ħsiebha?” Din hi mistoqsija li ma taħfirx. Omm Nadine tgħidha b’mod dirett u mingħajr ħabi: “Jien u r-raġel, mhux se nibqgħu hawn għal dejjem. X’se jiġri minnha? Minn issa rridu nħarsu l-quddiem.”
F’dan il-kuntest, l-Inspire hija sens ta’ serħan il-moħħ. Dan kollu mhux biss għal Nadine imma għall-ġenituri tagħha wkoll għax tagħtihom tama li bi programmi bħal dawn, b’ambjenti siguri, terapiji professjonali u tim dedikat, Nadine tista’ tibqa’ titħarreġ biex issir kemm tista’ tkun indipendenti u integrata fis-soċjetà.
L-Inspire Foundation hija għaqda li taħdem sabiex tippromwovi inklużjoni, ugwaljanza u opportunitajiet ġusti għal persuni b’diżabilità. Tindirizza kundizzjonijiet bħal awtiżmu, cerebral palsy, diżabilità intellettiva u oħrajn, b’firxa wiesgħa ta’ servizzi terapewtiċi, edukattivi, soċjali u rekreattivi.
Minn sessjonijiet ta’ speech therapy għal attivitajiet fiżiċi adatti għal kull individwu, mill-pariri għal ġenituri sa klassijiet ta’ taħriġ għal tfal u adulti fejn kull programm huwa mmirat biex jinkoraġġixxi l-potenzjal tal-persuna u jagħtiha l-għodod biex tgħix ħajja b’dinjità.
Waħda mill-kmamar li ħafna jsejħulha prezzjuża hi l-Multi Sensory Room”, spazju sigur u terapewtiku fejn is-sensi jieħdu ċ-ċentru tal-attenzjoni: il-mess, il-ħoss, id-dawl, l-għarfien spazjali, il-moviment u l-emozzjonijiet. Dawn l-ispazji huma mfassla apposta biex joffru ambjent li jsaħħaħ l-interazzjoni sensorja tal-utenti f’ambjent rilassanti u stimolanti.
Permezz ta’ dawn il-kmamar, il-persuni b’diżabilità jistgħu jesploraw is-sensi tagħhom b’mod kreattiv u sikur, filwaqt li jiskopru aktar dwarhom infushom u d-dinja ta’ madwarhom. Il-kmamar multisensorjali jagħtu appoġġ lit-tfal u lill-adulti biex itejbu l-ħiliet emozzjonali u soċjali tagħhom.
Dan isir permezz ta’ tagħmir speċjali bħal dawl b’effetti viżivi, ħsejjes rilassanti, aromaterapija, u għodod interattivi li jippermettu lill-individwi jirrispondu għas-sensi tagħhom f’ambjent bla pressjoni.
Dawn is-servizzi jiġu offruti b’mod imfassal għall-bżonnijiet individwali, ħafna drabi mingħajr ħlas jew bi prezz baxx ħafna, ħaġa li tagħmel lil Inspire għajnuna li ma tistax tagħtih prezz għal bosta familji Maltin.
Biex tkun tista’ tkompli tagħti dan is-servizz, Inspire tiddependi fuq ġenerożità min-nies bħalek. Il-Ħadd 3 ta’ Awwissu, l-għaqda se torganizza l-Maratona ‘Bżonnok’, li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet televiżivi kollha f’Malta. Dan mhux biss se jkun mument ta’ ġbir ta’ fondi, imma wkoll ġurnata ta’ qalb tajba tal-Maltin fejn il-pajjiż jisma’ stejjer bħal dik ta’ Nadine u ħafna oħrajn.
Il-messaġġ hu ċar: Inspire bżonnok. Nadine, u ħafna oħra bħalha, għandhom dritt igawdu minn ħajja ta’ dinjità u ferħ bħan-nies kollha. Il-kontribuzzjonijiet tiegħek, kbar jew żgħar, jistgħu jfissru differenza kbira fil-ħajja ta’ xi ħadd.
Jekk tixtieq tagħti donazzjoni jew tappoġġja lill-Inspire, tista’ tagħmel dan permezz ta’ dawn il-kanali:
• Pledge line: 2123 3020
• Donazzjonijiet permezz tat-telefon:
€25 – ċempel 5170 2014
€50 – ċempel 5190 2066
• SMS b’donazzjoni: 5067 9215
• Revolut / BOV / APS Pay: 9910 0528
Omm Nadine temmet l-intervista b’appell mill-qalb: “Komplu ċemplu biex l-Inspire tibqa’ għaddejja. Bħat-tifla tiegħi jiggwadanjaw aktar nies oħra.” F’dan il-kliem hemm emozzjoni kbira, dik ta’ omm li għamlet minn kollox biex tagħti futur sabiħ u pożittiv lil bintha, u li llum tħoss ftit serħan f’qalbha grazzi għal dawk li taw il-kontribut tagħhom biex l-Inspire tibqa’ tgħin.
Stejjer bħal ta’ Nadine mhumiex biss dwar diżabilità, imma dwar għaqda, mħabba, determinazzjoni u tama. U kulħadd jista’ jkun parti minn dan il-vjaġġ. Kulħadd jista’ jgħin biex, bħal Nadine, aktar persuni jmorru ’l quddiem qishom l-ewwel ġurnata, kull ġurnata.