Thursday, December 26, 2024

L-istorja ta’ Whitney Houston

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Is-sequel tant mistenni “Avatar: The Way of Water” iddebutta fi tmiem il-ġimgħa u kellu dħul globali ta’ $435 miljun. Minn dan d-dħul, $134 minnhom kienu mit-teatri Amerikani.  Dan id-dħul mhuwiex dak li kien mistenni. Meta jsiru l-paraguni ma’ bħal daż-żmien sena, “Spider-Man: Mo Way Home” kellu dħul fl-opening weekend ta’ $600 miljun mill-pajjiżi kollha, li minnhom $260 miljun kienu mit-teatri Amerikani. Il-kumpanija Disney li issa għandha fi ħdanha t-20th Century Studios, bassret li almenu kellu jibda b’$175 miljun fil-box Office Amerikana.  “Avatar: The Way of Water” sewa $350 miljun biex inħadem.

Fl-erba’ postijiet l-oħra tal-box Office Amerikana, wieħed isib “Black Panther: Wakanda Forever”, “Violent Night”, “The Menu” u fil-ħames post “Strange World”.

I WANNA DANCE WITH SOMEBODY

Whitney Houston kienet waħda mill-akbar kantanti ta’ kull żmien. Il-qawwi fil-vuċi tagħha kienet straordinarja. Fit-tieni nofs tas-snin tmenin, kellha 7 singles konsekuttivi li telgħu fil-quċċata tal-Billboard Hot 100.

Whitney Houston ħallietna għaxar snin ilu fil-għomor ta’ 48 sena. Rajnieha f’numru żgħir ta’ films. L-akbar suċċess tagħha kien fid-drama romantika “The Bodyguard” li kien iddebutta 30 sena ilu. Magħha kellha lil Kevin Costner. Skont il-film “I Wamma Dance With Somebody”, kien Kevin Costner li ried lil Whitney Houston bħalha l-co-star tiegħu.

“I Wanna Dance With Somebody” huwa film bijografiku dwar Whitney Houston, bl-attriċi Ingliża Naomi Ackie fil-parti prinċipali. Minn kantanta fil-kor tal-knisja mmexxi minn ommha Cissy (Tamara Tunie), Whitney bdiet issaħħar lil kulħadd bil-qawwa tal-vuċi li kellha, tant li saret magħrufa bħalha ‘The Voice’.  

Ta’ 19-il sena, iċ-chairman ta’ Arista Records, Clive Davis (Stanley Tucci), offrilha kuntratt. Taħt il-gwida tiegħu, Whitney Houston rat il-karriera tagħha tikber, b’missierha John (Clarke Peters) ikun il-manager tagħha. F’ħajjet Whitney, kien hemm ukoll Robyn Crawford (Nafessa Williams) li ltaqgħu f’summer camp għaż-żgħażagħ u wara bdew jgħixu flimkien.  Whitney riditha bħala Creative Assistant u b’hekk mhux darba jew tnejn missierha kien f’konfront ma’ Robyn.  Aktar tard, anke Bobby Brown (Ashton Sanders) li żżewweġ lil Whitney, kien ikollu xi jgħid ma’ Robyn.  Għalkemm Whitney dejjem insistiet li r-relazzjoni ma’ Robyn kienet biss bħalha ‘oħtha’ li qatt ma kellha, wara mewt il-kantant, Robyn ammettiet li anke kien hemm relazzjoni bejniethom.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Kasi Lemmons, il-film għandu lill-istess Clive Davis bħala producer u allura hemm aktar ċertezza li l-film hu leali lejn il-karriera stupenda ta’ Whitney Houston. F’intervista, Clive Davis ikkonferma li kien impressjonat kemm Naomi Ackie kapaċi tinkorpora l-personalità ta’ Whitney imma kien impossibbli tirreplika t-talent vokali tagħha. Għalhekk il-kant kollu fil-film hu dak oriġinali ta’ Whitney Houston.

“I Wanna Dance With Somebody” hu klassikat 12A minħabba użu ħażin tad-drogi, abbuż domestiku u kliem mhux xieraq.

Violent Night

Mhux l-ewwel darba rajna film fejn Santa Klaws ikun vjolenti. Ngħidu aħna, s-sena l-oħra kellna “Silent Night” b’Keira Knightley u Matthew Goode.

David Harbour f’Violent Night

Maħdum taħt id-direzzjoni tan-Norveġiż Tommy Wirkola, in-narattiva ta’ “Violent Night” teħodna lejliet il-Milied fejn niltaqghu ma’ Santa Klaws (David Harbour).  Huwa jkun konfuż, jixrob iżżejjed minħabba li jkun diżilluż bir-rgħiba li sar hawn fid-dinja u l-effett ta’ dan kollu fuq il-Milied. Santa Klaws anke ikun qed jikkontempla li jabbanduna ħidmietu sakemm jiskopri li grupp ta’ merċinarji bla qalb jattakkaw id-dar ta’ familja sinjura. Il-mexxej tal-merċinarji isejjaħ lilu nnifsu Scrooge (John Leguizamo), li jaf li hemm $300 miljun fil-kaxxaforti tad-dar.  Hawn fejn Santa Klaws isib opportunità li jkun ta’ servizz. Minn hemm ’l quddiem, “Violent Night” isir qiesu tiżwiqa ta’ “Home Alone” ma’ “Die Hard”.

“Violent Night” hu klassifikat 15 minħabba x-xeni ta’ vjolenza, referenzi għas-sess u lingwaġġ mhux xieraq.

Ekonomija

Sport