Illum qed jiġi mfakkar l-64 anniversarju mill-istrajk ġenerali li sar fit-28 ta’ April, 1958. Kien proprju l-Kunsill Nazzjonali tal-GWU f’laqgħa li saret nhar il-25 ta’ April, 1958 li ddeċieda li l-GWU għandha ssejjaħ strajk ġenerali tlitt ijiem wara.
Dakinhar, fil-ġurnata tal-istrajk, sa minn filgħodu kmieni deher ċar li l-ħaddiema kienu se jwieġbu bis-saħħa kollha għas-sejħa tal-GWU. Kienu ħaddiema u ħafna żgħażagħ li wrew determinazzjoni liema bħala u mingħajr biża’ u b’militanza kbira fihom ħarġu ma’ Malta kollha jipprotestaw.
Kienet ġurnata fejn il-ħaddiema mmexxija mill-GWU u anke bl-għajnuna tal-Partit Laburista ddominaw il-ġurnata. Il-ħaddiema kienu deċiżi li jibagħtu messaġġ b’saħħtu lill-ħaddiema Ingliżi li ż-żmien tagħhom f’Malta se jibda jiġi magħdud.
Il-ħaddiema ma kinux beżgħu mill-qilla tal-forzi tal-ordni u l-istrajk wassal biex ħafna minnhom u uffiċjali ġew arrestati. Iżda mhux biss. Saħansitra kien hemm numru minnhom li ntefgħu l-ħabs.
Hawn min jgħid li l-ġurnata tat-28 ta’ April, 1958 kienet ġurnata sewda għal Malta. Mhux l-istess kienet għall-ħaddiema u l-GWU għax dik il-ġurnata kienet is-saħħa li wera l-ħaddiem u kienet il-bidu tal-ħelsien mill-ktajjen tal-barrani.
Biex din il-ġrajja storika tibqa’ tkun imfakkra, fit-28 ta’ April 2015, il-GWU kixfet ukoll mafkar fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, wieħed mill-postijiet fejn kienu saru l-irvellijiet. Ta’ kull sena, kemm il-GWU kif ukoll il-Partit Laburista jpoġġu fjuri biswit dan il-mafkar li jfakkar lill-“eroj” li kienu arrestati u ntbagħtu l-ħabs fl-istrajk.
L-istrajk ġenerali tat-28 ta’ April 1958, kien deskritt bħala l-ewwel pass biex il-ħaddiema jibdew jiddefinixxu u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Tul il-medda taż-żmien, il-ħaddiema komplew jiksbu aktar drittijiet, bil-GWU tkun fuq quddiem nett li tara li dan isir.
Illum il-ġurnata jeħtieġ li nkomplu mexjin f’din it-triq li qbadna u fl-istess waqt il-ħidma għandha tkompli biex naraw li dak li għandu dritt għalih il-ħaddiem, jingħatalu. Nemmnu li kull ħaddiem għandu jkollu d-drittijiet tiegħu salvagwardjati u dawn id-drittijiet jinkludu kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin biex dan ikun jista’ jgħix ħajja diċenti.