Saturday, May 4, 2024

Arrestawha u tabib fittxilha fil-partijiet intimi tagħha fil-preżenza ta’ pulizija maskili

Rebħet €3,000 minħabba dewmien fil-kawża

Aqra wkoll

Mara Ġermaniża li kienet ġiet Malta flimkien mas-sieħeb tagħha irrakkontat fil-qorti li kif waslet f’Malta minn Dusseldorf u kienet  fi triqtha lejn id-dar, fil-bypass tal-Imrieħel, huma ġew interċettati u mwaqqfa fuq suspett ta’ importazzjoni ta’ droga minn tliet vetturi pajżana, li wara li identifikaw ruħhom bħala Pulizija tad-Drug Squad. Infurmawha illi kienet se tittieħed l-isptar Mater Dei biex isirulha xi testijiet. Tgħid li fl-isptar Mater Dei saritilha tfittixija inkluż fil-partijiet intimi tagħha, u dan minn tabib ta’ sess maskili, fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-Pulizija wkoll tas-sess maskili u sussegwentement intalbet li tieħu s-suppożitorji sabiex tipporga u wara li ppurgat, hija ġiet mogħtija borża tal-plastik (u lanqas ingwanti), u dan sabiex tfittex hija stess, fl-‘excretes tagħha’. Wara l-arrest u tfittxijiet kif ingħad hi ġiet rilaxxata u qatt ma nġabu ebda akkużi fil-konfront tagħha peress li ma rriżulta xejn illegali. Hi qalet li  dan l-aġir tal-Pulizja, poġġa lilha f’sitwazzjoni imbarazzanti, umiljanti u degredanti għall-persuna tagħha. Hi fetħet proċeduri fuq dewmien biex tinqata’ l-kawża bil-qorti Kostituzzjonali tagħmnel kritika dwar id-dewmien li kien hemm f’dan il-każ u tat kumpens ta’ €3,000 lill-mara Ġermaniża.

Mis-sentenza tal-Qorti joħroġ li fis-27 ta’ Frar tas-sena 2015 hi fetħet proċeduri kostituzzjonali fejn ikkontendiet illi l-arrest tagħha kien wieħed illegali u konsegwentement arbitrarju ai termini tal-artikolu 34 tal-Kostituzzjoni u ai termini tal-artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll jilledi d-drittijiet fundamentali tagħha għal ħarsien mill-probizzjoni tat-tortura u trattament jew piena degradanti jew inumana hekk kif sanċiti fl-artikolu 36 tal-Kostituzzjoni u fl-artikolu 3 tal-istess Konvenzjoni. I

Fis-sentenza tagħha l-Qorti Kostituzzjonali qalet li ‘huwa ċar illi l-konvenuti ma poġġew fis-seħħ l-ebda protokoll dwar kif għandhom isiru dawn il-proċeduri. Mill-provi rriżulta ċar illi l-eżamijiet invażivi li saru fuq l-appellanti seħħew biss għaliex l-ewwel tabib illi eżamina l-x-rays tagħha irraporta li seta’ kien hemm xi dellijiet suspettużi fuqhom. It-tieni tabib li ra dawn l-x-rays imbagħad għamilha ċara illi dawn l-x-rays ma kienu joħolqu l-ebda raġuni valida sabiex isiru eżamijiet invażivi fuq l-appellanti. Però ma jidhirx illi hemm xi protokoll fis-seħħ illi jeħtieġ li tittieħed opinjoni oħra qabel ma jsiru eżamijiet invażivi fuq il-persuna. Huwa ċar illi, li kieku ġie kkonsultat tabib ieħor qabel ma saru dawn il-proċeduri invażivi fuq Jennifer, hija ma kienx ikollha tissubixxi l-istess. Inoltre, lanqas ma jirriżulta illi l-uffiċjali li akkompanjaw lill-appellanti waqt din il-proċedura ngħataw taħriġ dwar kif għandha ssir din il-proċedura b’mod li jirrispetta d-dinjita tal-individwu partikolari u ma jżidx mal-umiljazzjoni li proċedura bħal dik diġa’ ta’ bilfors tinvolvi.”

Intqal li “fil-fehma ta’ din il-Qorti, anke kieku kellu jiġi aċċettat illi l-fatt waħdu li Jennifer ġiet kostretta tfittex hija stess fl-excrement tagħha ma jlaħħaqx il-grad rikjest sabiex jitqies bħala trattament degradanti, meta kkombinat mal-fatt illi l-appellanti tħalliet maħmuġa u mneżża sakemm instab il-fardal u saret it-tfittxija, il-Qorti hija tal-fehma illi meħud dawn iċ-ċirkostanzi kollha in konsiderazzjoni, Jennifer sofriet trattament degradanti. L-appellati kellhom id-dover illi kemm jista’ jkun inaqqsu jew itaffu l-aspett imbarazzanti u umiljanti tal-proċeduri li għalihom ġiet sottoposta l-appellanti u jassiguraw li dawn isiru bl-aktar mod dinjituż possibbli. Mill-provi jirriżulta ċar illi l-appellati m’għamlux dan u ssottoponew lill-appellanti għall-trattament degradanti, bi ksur ċar tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni. Għaldaqstant dan l-aggravju qiegħed jiġi milqugħ. Fir-rigward tar-rimedju xieraq, il-Qorti tqis illi l-appellanti għandha tirċievi mingħand l-appellati s-somma ta’ elf ewro (€1,000) bħala kumpens għad-danni morali subiti minnha, u dan in vista tal-fatt illi l-proċeduri kollha saru bil-kunsens sħiħ tal-appellanti li saħansitra talbet hija stess li jsiru eżami mediċi fuqha sabiex turi l-innoċenza tagħha. 

Il-Qorti qalet li l-kawża Kostituzzjonali ħadet ħames snin u nofs sabiex tiġi deċiża finalment mill-Qorti tal-Prim’ Istanza, fejn eventwalment il-lanjanza ġiet miċħuda, u, sussegwentement, wara appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, ġiet eventwalment milquha fi żmien tlett xhur.  Jirriżulta illi, permezz tal-azzjoni odjerna, hija qiegħda tilmenta li l-fatt li l-lanjanza kostituzzjonali tagħha ħadet ħafna żmien sabiex tiġi deċiża finalment, tali trapass u dewmien irraġonevoli kien jilledi d-dritt tagħha għal smigħ xieraq kif sanċit fl-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. 

Mis-sentenza jirriżulta li fit-28 ta’ Ġunju 2018, il-kawża ġiet differita għas-sentenza, iżda kien biss fis-17 ta’ Diċembru 2020, aktar minn tletin (30) xahar wara li tħalliet għas-sentenza, u wara sittax-il differiment sabiex tingħata tali deċiżjoni, li finalment il-kawża odjerna ġiet deċiża.  Intqal li tali dewmien, kemm da parte tal-konsulenti legali tar-rikorrenti u anke tal-Qorti, eventwalment wasslu sabiex lanjanza kostituzzjonali mressqa mir-rikorrenti fis-27 ta’ Frar 2015 ġiet deċiża finalment mill-Qorti tal-Prim’ Istanza fis-17 ta’ Diċembru 2020,  aktar minn ħames snin u nofs wara. 

Il-Qorti qalet li hi tassew ta’ tħassib għal din  il-Qorti li, aktar minn għoxrin sena ilu, il-Qrati kienu ġia qed jagħmluha ċara li s-sitwazzjoni ta’ “backlog” ta’ kawżi, nuqqas ta’ staff kompetenti u nuqqas ta’ riżorsi kienet waħda li ċertament kienet qiegħda ċċaħħad liċ-ċittadin minn smigħ xieraq, u din is-sitwazzjoni hija l-istess, jekk mhux bil-ferm agħar, illum il-ġurnata. 

Il-Qorti ma tistax ma tagħmilx ukoll referenza għal element ieħor illi ċertament jimpinġi serjament fuq l-andament ta’ kull proċess quddiem Ġudikant, inkluż dawk Kostituzzjonali – is-sistema arkaika w burokratika eżistenti llum tal-ġbir tal-provi f’kawża. 

Intqal li Din il-Qorti tirrileva illi wasal iż-żmien li l-leġislatur jagħżel li jintroduċi leġislazzjoni fejn il-provi kollha f’kawża jiġu redatti minn qabel mill-partijiet u jiġu mgħoddija lil kontro parti permezz ta’ sistema ta’ “discovery” qabel ma tinbeda l-kawża – dana ċertament jiffaċilità bil-kbir il-proċess tal-ġbir tal-provi, jassikura wkoll illi ma jkunx hemm ħela ta’ ħin u ta’ seduti fejn parti tkun trid tirregola ruħha dwar provi li tressqu jew li għad iridu jitressqu u jiġi aċċertat illi l-proċess ġudizzjarju jsir b’mod effiċjenti u trasparenti. 

Intqal li is-sistema ta’ llum kif redatta fil-Liġi hija l-antiteżi ta’ dan kollu kif fuq deskritt, fejn kawża titwal inutilment fl-istadju tal-ġbir tal-provi u dokumentazzjoni jiġu prodotti fl-aħħar minuta għalkemm il-parti tkun ben a korrent tal-provi minn qabel. Qabel ma l-leġislatur jifhem illi b’hekk biss il-proċess ġudizzjarju jista’ jsir wieħed aktar effettiv u effiċjenti, il-proċess ġudizzjarju ser jibqa’ jkun wieħed pedantiku, burokratiku u ineffiċjenti, li jibbenefika biss lil min huwa fit-tort! 

Intqal li għalhekk, ċertament l-Istat, li huwa hawn rappreżentant mill-Avukat tal-Istat, bħala l-entita responsabbli sabiex jassikura li l-proċess tal-Ġustizzja, inkluż l-operat tal-Qrati, jkun wieħed li jwassal għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli lil kull min jidher il-Qorti, għandu jerfa’ r-responsabbiltà tan-nuqqasijiet tiegħu, u, filwaqt illi, fil-każ odjern, għandu jagħmel tajjeb għal dewmien kkawżat minn assjem ta’ fatti u problemi amministrattivi li wasslu għal dewmien fl-għoti ta’ sentenza finali, fuq bażi in ġenerali, għandu jassikura li l-operat tal-Qrati għandu jingħata l-investiment kollu neċessarju sabiex jopera b’mod effiċjenti kif ukoll il-leġislazzjoni kollha relatata mal-proċeduri fil-Qrati għandhom jiġu aġġornati sabiex varji problemi burokratiċi u arkaijiċi jiġu sorvolati, u dana sabiex istanzi oħra ta’ nuqqas ta’ smigħ xieraq fi żmien raġonevoli jiġu evitati. 

Il-Qorti tqis illi l-kumpens dovut lil Jennifer bħala danni non-pekunjarji għal dewmien fil-proċeduri Kostituzzjonali  għandu jkun ta’ €3,000. 

Sport