Sunday, April 28, 2024

Minn kriminali għal onesti

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

B’sorpriża, il-film animat immirat għat-tfal li nħadem b’budġit ta’ $70 miljun “The Bad Guys” iddebutta fil-quċċata tal-box office Amerikana fi tmiem il-ġimgħa u għeleb l-isfida ta’ “Fantastic Beasts: The Secrets of Dumbledore”.  “The Bad Guys” kellu dħul ta’ $24 miljun fl-ewwel tlitt ijiem.  It-tielet “Fantatsic Beasts” ħa sabta meta niżel fit-tielet post.  Anke “Sonic the Hedgehog 2” kellu suċċess akbar mill-prequel tal-films ta’ Harry Potter meta okkupa t-tieni post.

Żewġ films oħra li ddebuttaw fi tmiem din il-ġimgħa fl-Istati Uniti kellhom destin oppost. “The Northman” li hu arthouse picture u sewa mas-$70 miljun kellu dħul rispettabbli ta’ $12-il miljun u spiċċa fir-raba’ post.  Mill-banda l-oħra, “The Unbearable Weight of Massive Talent” b’Nicolas Cage f’verżjoni fittizja tiegħu nnifsu beda b’dħul miżeru ta’ $7.1 miljun u spiċċa okkupa l-ħames post.  Almenu n-nefqa fuq il-film kienet ta’ $30 miljun.

The Bad Guys

Maħdum mill-kumpanija DreamWorks Animation, dan il-film animat hu ispirat mill-kotba għat-tfal miktuba minn Aaron Blabey. 

F’dinja fejn annimali għandhom l-istess karatteristiċi tan-nies, ikun hemm gang ta’ annimali kriminali, magħrufa bħala Mr. Wolf, Mr. Piranha, Mr. Snake, Mr. Shark, u Ms. Tarantula.

Dawn jieħdu deċiżjoni li mhux ser tkun waħda faċli: iridu jsiru annimali-ċittadini onesti. Imma meta Mr. Wolf u l-gang tiegħu jibdew iduqu l-istil ta’ ħajja ġdida, jitfaċċa kriminal ieħor.

Fost il-vuċijiet għal dawn il-karattri animati nsibu dawk tal-atturi Sam Rockwell, Awkwafina u Anthony Ramos.

Għalkemm id-direttur Pierre Perifel qed jiddebutta fuq is-siġġu tad-direzzjoni, huwa serva’ bħala animatur fuq il-produzzjoni ta’ diversi il-films animati “Kung Fu Panda” u “Shrek Forever After”.  Perfiel ammetta li meta ġie biex jaħdem dan il-film, hu kien influwenzat minn diretturi bħal Quentin Tarantino u Guy Ritchie.

Gwida għal min ser jara “The Bad Guys”: PG (it-tfal għandhom ikunu akkumpanjati minn adult) għax fih ftit kliem mhux xieraq, umoriżmu goff u vjolenza ħafifa.

The Northman

Dan hu film epiku maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Robert Eggers u hu ispirat mill-leġġenda popolari Skandinava ta’ Amleth li sseħħ fil-perjodu medjevali.  Hawn min isostni li dan il-karattru kien ta’ ispirazzjoni biex William Shakespeare ħoloq il-karattru tal-Prinċep Hamlet fid-dramm traġiku ta’ dan il-kittieb.

L-istorja hi ambjentata fil-bidu tas-seklu għaxra fl-Islanda.  Alexander Skarsgård għandu l-parti tal-prinċep Viking, Amleth.  Il-missjoni tiegħu kienet li jwettaq vendetta wara li missieru jinqatel minn zijuh.  

F’dan il-film epiku jidhru wkoll fost l-oħrajn Nicole Kidman, Ethan Hawke, u Willem Dafoe.

Min fil-passat segwa l-karriera tad-direttur Robert Eggers, partikolarment il-films “The Lighthouse” u “The Witch”, jaf li l-films tiegħu huma brutali.  “The Northman” mhux anqas minhom u l-fatt li l-istorja hi ambjentata fiż-żmien il-perjodu medjevali, Eggers jaħtaf l-opportunitá biex jisfrutta l-mod brutali kif kienu jissieltu.  

Gwida għal min ser jara “The Northman”: 15 (għandu jarawh persuna li għandhom minn 15-il sena ’l fuq) għax fih xi xeni twal vjolenti u mdemmija, vjolenza sesswali u nudità.

The Unbearable Weight of Massive Talent

Dan il-film ta’ azzjoni u dark comedy, għandu lil Nicolas Cage f’verżjoni fittizja tiegħu nnifsu 

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Tom Gormican, f’“The Unbearable Weightiness of Massive Talent” Cage jaċċetta offerta biex imur Mallorka u jindihes ma’ Javi Gutierrez (Pedro Pascal) li jkun negozjant tal-armi.  Ta dan, Nicolas Cage jitħallas miljun dollaru.  Billi Cage għandu dejn ta’ $600,000, l-attur jaċċetta.  Cage isib lil Javi jemmen fih bħala attur u Javi għandu kollezzjoni sħiħa dwar l-attur.

Żewġ aġenti taċ-CIA, Vivan (Tiffany Haddish) u Martin (Ike Barinholtz) jisfurzaw lil Nicolas Cage jispijja fuq Javi, fejn l-aġenti jallegaw li n-neguzjant tal-armu kien ħataf it-tifla tal-President tal-Katalunja.

Id-direttur hu ntelliġenti kif bit-tensjoni xorta joħloq mumenti komiċi mingħajr ma jintilef is-suspense.

Gwida għal min ser jara “The Unbearable Weight of Massive Talent”: 15 (għandu jarawh persuna li għandhom minn 15-il sena ’l fuq) għax fih kliem ħażin, użu ħażin tad-droga, vjolenza u referenzi qosra għas-sess.

Sport