Thursday, March 28, 2024

Imfakkar il-bumbardament tal-Knisja ta’ San Publju fil-Furjana bħal-lum 80 sena ilu

Aqra wkoll

L-istoriċi kollha jaqblu li x-xahar ta’ April ta’ tmenin sena ilu, kien l-agħar wieħed għal pajjiżna matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Malta, li kienet fost l-aktar pajjiżi bbumbardjati fid-dinja, rat ħerba sħiħa u l-ħajja ta’ bosta Maltin maħsuda.

Fost l-aktar żoni f’Malta li ġarrbu din il-ħerba kien hemm dik tal-Belt, il-Furjana u t-tlett ibliet tal-Kottonera. Il-prezz li dawn l-inħawi ħallsu, inkluda l-qerda ta’ postijiet għeżież bħal knej­jes, minbarra ovvjament numru impressjonanti ta’ residenzi. Apparti numru għoli ta’ vittmi.

Fost il-knejjes milquta severament kien hemm dik ta’ San Publju fil-Furjana. Ajruplani Ġermaniżi attakkaw lil din il-knisja bħal-lum 80 sena ilu, it-28 ta’ April 1942. Wild din il-belt xerrdu demmhom fil-knisja li dejjem kienet l-għożża tal-Furjaniżi.

Din il-ġrajja tas-sogħba kbira, kienet imfakkra f’suppliment ta’ 20 faċċata ppubblikat fil-ħarġa speċjali tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ li għadha kemm ġiet ippubblikata. Din il-ħarġa speċjali fiha 28 faċċata filwaqt  li normalment ikun fiha 16.

Dan is-suppliment, minbarra għadd kbir ta’ ritratti, jinkludi wkoll artiklu estensiv minn Publio Agius, eks Sindku tal-Furjana u li dwar dan is-suġġett jista’ jitqies bħala persuna awto­revoli minħabba l-ħafna dokumenti li għandu u li kienu ta’ missieru (il-Commendatore Antonio Agius), u oħrajn li għaddewlu Furjaniżi oħra li għexu dawk iż-żminijiet diffiċli.

Agius, fl-artiklu tiegħu jiżvela, fost l-oħrajn, li wieħed mill-piloti tal-ajruplani Ġermaniżi li kienu bbumbardjaw il-Knisja Parrokkjali Furjaniża fit-Tieni Gwerra Dinjija, diversi snin wara kien żar l-istess knisja bħala turist. Inċidentalment dawn it-turisti Ġermaniżi kienu mdawra mal-knisja minn l-istess Commendatore Antonio Agius.

L-ex pilota tal-Luftwaffe (il-Qawwa tal-Ajru Ġermaniża), fi tmiem il-mawra mal-knisja ġibed lil Agius f’ġenb u żvelalu min kien skuża ruħu għal dak il-bumbardament ta’ żmien il-gwerra. 

Il-pilota Ġermaniż qal lill-Commendatore Agius li kienu bbumbardjaw il-knisja għax minn tkixxif li kien sar, bdew jissuspettaw li l-knisja setgħet kienet qed tintuża bħala maħżen għal affarijiet militari għax ħdejha kienu qed ikunu pparkjati diversi vetturi militari.

Bħalma jsir kull sena, din l-ewwel ħarġa tas-sena tal-gazzetta Furjaniża, hi ħarġa marbuta mal-festa tal-patrun tal-Furjana u wieħed mill-ko-patruni ta’ Malta, San Publju. Festa li din is-sena se ssir nhar il-Ħadd  li ġej, l-1 ta’ Mejju.

Minbarra li tiċċelebra r-ritorn ta’ din il-festa li tagħti bidu għall-‘istaġun tal-festi’ f’pajjiżna wara nuqqas ta’ sentejn kaġun tal-Coronavirus (Covid-19), tfakkar ukoll it-80 anniversarju (1942-2022) mit-tiġrif u l-imwiet fil-Furjana waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.

Barra minn hekk iġġedded il-memorji ta’ ftit ġimgħat biss ilu u li għadhom friski f’moħħ kulħadd, taż-żjara li għamel f’pajjiżna l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fl-ewwel jiem ta’ April. Naturalment l-enfasi hi dwar l-okkażjonijiet li matulhom il-Papa kien fil-belt tal-Furjana, partikolarment il-quddiesa fi Pjazza San Publju, l-isem proprju ta’ ‘Fuq il-Fosos tal-Furjana’.

Barra l-istorja ewlenija tal-ewwel faċċata u l-KUMMENT EDITORJALI, il-coverage dwar il-festa parrokkjali jinkludi wkoll artikli miktuba minn Mark Ciantar u Stephen Tonna li huma l-persuni inkarigati mill-fergħat tal-volontieri Furjaniżi tal-armar ta’ barra u ta’ ġewwa fi ħdan il-Parroċċa Furjaniża rispettivament. L-artikli huma akkumpanjati minn  ritratti.

Il-ħarġa ta’ April tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ tinkludi wkoll il-Paġna tal-Kunsill Lokali u paġni ta’ aħbarijiet dwar il-belt tal-Furjana u niesha.

Min jixtieq jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa tal-gazzetta Furjaniża, jista’ jċempel fuq in-numru 79339649.

Intant, bħalma kienet ħabbret uffiċjalment id-Direzzjoni ta’ ‘IL-FURJANA’, kmieni x-xahar id-dieħel (Mejju), se tkun ippubblikata ħarġa speċjali oħra tal-gazzetta. 

Din se tkun kollha kemm hi ddedikata għall-vjaġġ appostoliku li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku għamel f’Malta aktar kmieni dan ix-xahar. L-enfasi ta’ din il-ħarġa speċjali se jkun fuq il-konnessjonijiet tal-Furjana ma’ din iż-żjara storika riċenti. 

Min jixtieq jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa speċjali, jista’ jċempel fuq l-istess numru ta’ fuq.

Ekonomija

Sport