Il-kejl tas-suċċess ta’ pajjiżna mhuwiex biss kemm tikber l-ekonomija, iżda kemm titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin u l-benesseri tagħhom. Dikjarazzjoni bħal din, fil-fehma tagħna, hija l-qofol tal-Budget għas-sena d-dieħla li kellu t-tema “Malta Miegħek”.
U tabilħaqq Malta Miegħek, għaliex il-ġid tal-pajjiż kompla jitferrex fuq il-familji Maltin permezz ta’ miżuri soċjali bħalma huma żidiet għall-familji, tnaqqis tat-taxxa għal ċertu negozji u titjib fl-infrastruttura b’mod ġenerali.
Bla dubju wkoll li l-ġid tal-pajjiż ma jitkejjilx biss mit-tkabbir ekonomiku u miċ-ċifri li jirriżultaw, iżda wkoll il-veru suċċess jitkejjel mill-mod kif dan il-ġid jitqassam u jinħass fil-bwiet tan-nies, partikolarment mill-opportunitajiet li jwasslu biex titjieb il-kwalità tal-ħajja.
Is-suċċess ekonomiku li dan il-pajjiż irnexxilu jikseb f’dawn l-aħħar snin ippermetta li pajjiżna jinvesti ferm aktar milli diġà investa fil-familji u n-negozji. U dan biex il-futur ikun wieħed aħjar
Fil-fehma tagħna, dan il-budget kien pass ieħor fid-direzzjoni lejn il-Viżjoni Malta 2050. Biex l-implimentazzjoni tal-istess viżjoni tkun waħda dinamika, jeħtieġ li tkun ikkumplimentata minn miżuri li jikkonsolidaw dak li nkiseb s’issa u miżuri oħra li jaħsbu għall-ġejjieni.
Għalkemm is-sitwazzjoni ġeopolitika bla dubju kellha wkoll xi effett fuq pajjiżna fosthom il-prezz tal-enerġija, b’danakollu pajjiżna, għax ħaseb bil-quddiem u għax l-ekonomija tiflaħ, baqa’ għaddej bil-politika progressiva ta’ stabbiltà li wasslet biex il-pajjiż ikun kapaċi jilqa’ għal dawn l-isfidi.
Dan il-budget, minbarra li jimla lill-poplu b’aktar ottimiżmu għall-ġejjieni, huwa wkoll it-tkomplija tat-triq biex filwaqt li jibbilanċja l-ispiża tal-Gvern, ikompli jseddaq il-qasam soċjali f’dak li jirrigwardja l-ġid komuni.
Huwa dan il-kuntest kollu li jagħmel il-budget wieħed mill-aktar importanti f’dawn l-aħħar snin. Għalhekk ukoll li dan il-budget ta stampa qawija li l-familja hi u se tibqa’ s-sisien tal-qasam soċjali li pajjiżna jrid ikompli jibni fuqu.




