Il-Prim Ministru Iżraelit Benjamin Netanyahu wara li kważi ngħaddu nofs il-voti kollha tal-elezzjoni ġenerali li saret nhar it-Tlieta, iddikjara li “l-partit tal-Lemin għandhom maġġoranza tajba”.
Fl-istess waqt hu sejjaħ lill-partit iż-żgħar biex jingħaqdu miegħu ħalli jkomplu jmexxu lil Iżrael.
Minkejja din id-dikjarazzjoni, l-ewwel riżultati qegħdin jindikaw li s’issa l-ebda partit ma ġab maġġoranza biżżejjed biex ikun jista’ jigverna. L-unika riżultat s’issa juri li l-koalezzjoni ta’ Benjamin Netanyahu għandha ftit aktar appoġġ minn dik tal-Oppożizzjoni.
Kollox jinsab inċert f’Iżrael hekk kif waqt il-kampanja elettorali diversi partiti kienu ddikjaraw li ma kinux lesti li jingħaqdu fil-Gvern ma’ Netanyahu u jekk iżommu kelmithom allura l-mexxej tal-Oppożizzjoni għandu ċans tajjeb li jigverna hu.
Netanyahu s’issa jidher li se jirbaħ 55 siġġu filwaqt li l-partit tal-Oppożizzjoni mistennija li jirbħu 49 siġġu. Biex mexxej ikun jista’ jigvernu għandu bżonn li jassigura 61 siġġu.
Il-midja Iżraelita qiegħda tirraporta li hekk fil-ġimgħat li ġejjin l-ebda mexxej ma jirnexxilu jgħaqqad Gvern, allura l-unika soluzzjoni tkun li ssir elezzjoni ġenerali oħra.
Sakemm ikun hemm Gvern ġdid Netanyahu mistenni li jibqa’ fil-poter.




