Il-Ġordan wettaq attakki fuq dak li l-militar tiegħu jiddeskrivi bħala “organizzazzjonijiet terroristiċi” fis-Sirja, bi tpattija għal attakk li sar waqt funeral Nisrani l-ġimgħa li għaddiet li fih inqatlu disa’ persuni.
Skont uffiċjali tas-saħħa Sirjani ħames persuni – fosthom nisa, tfal u raġel xiħ – inqatlu fl-attakk fuq raħal fil-provinċja ta’ Daraa, fin-Nofsinhar tal-pajjiż. Il-Ġordan stqarr li l-ajruplani tal-ġlied tiegħu qatlu u darbu “diversi terroristi”, iżda ma tax aktar dettalji.
Il-Ġordan sostna li kkoordina l-attakk mal-gvern Sirjan, iżda s-Sirja ċaħdet li ġiet infurmata bl-attakk ta’ nhar it-Tnejn.
L-attakk mill-Ġordan seħħ wara li nhar il-Ġimgħa, disa’ persuni nqatlu u 34 oħra ndarbu fi sparatura waqt funeral fi knisja Ortodossa Griega f’Karak. B’reazzjoni għal dan l-attakk, is-Sirja għalqet il-fruntiera mal-Ġordan.
L-għeluq tal-fruntiera jinkludi s-sospensjoni sħiħa tat-traffiku tal-passiġġieri u dak kummerċjali fiż-żewġ direzzjonijiet, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-vjaġġaturi u tal-ħaddiema f’dan il-punt tal-qsim qalu l-awtoritajiet Sirjani fi stqarrija rrappurtata mill-midja tal-istat.
Żiedu jgħidu iżda li infetħu l-kanali diretti ta’ komunikazzjoni mal-uffiċjali Ġordaniżi u bdew investigazzjonijiet komprensivi biex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi kollha relatati ma’ dan l-attakk.
Aktar kmieni nhar it-Tnejn, uffiċjali għolja tas-sigurtà tal-gvern qalu li l-forzi tas-sigurtà Ġordaniżi kienu arrestaw żewġ aħwa dwar l-attakk fuq il-knisja.
Id-Direttorat tas-Sigurtà Pubblika (PSD) stqarr li t-“terroristi” nstabu moħbija f’dar abbandunata f’Karak qabel is-sebħ. Il-Ministru tal-Intern tal-Ġordan Mazen al-Faraya qal lit-TV tal-istat li l-aggressuri kienu kollha Ġordaniżi u “kienu moħbija f’bini f’wieħed mill-irħula ħdejn is-sit tal-attakk”.




