Il-Gvern mexa pass ieħor fil-konsolidament tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bit-twaqqif ta’ Kummissjoni għal dan il-għan, li bħalissa qiegħda tiġi diskussa fil-Parlament. Din il-Kummissjoni li se tkun responsabbli direttament lejn il-Parlament u trid topera b’imparzjalita u indipendenza, qed issegwi sensiela ta’ drittijiet ċivili li l-poplu beda jgawdi minnhom f’dawn l-aħħar snin.
L-aktar element kruċjali ta’ din il-Kummissjoni se jkun li tassigura li kull persuna li tgħix f’pajjiżna tkun protetta kontra kwalunkwe diskrimianzzjoni li tista’ ssofri fl-oqsma kollha tal-ħajja tagħha. Din ukoll se tagħti d-dritt lil min iħossu aggravat sabiex jagħmel użu minn kull rimedju propost f’dan l-Att.
Din hija miżura oħra li se tkompli tagħti immaġni tajba ta’ pajjiżna fl-isfera internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem kemm fundamentali u anke sekondarji. Biex jiġi assigurat li din il-liġi taħdem skont kif inhi intenzjonata, l-ilmenti jridu jitressqu direttament minn dawk li jħossu li sfaw vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew diskriminazzjoni.
Fost bidliet oħra ewlenin hemm ir-rikonoxximent tad-diskriminazzjoni intersezzjonali, il-vittimizzazzjoni, il-fastidju relatat ma’ kull karatteristika protetta, inkluż dak li jseħħ permezz tas-sistemi elettroniċi u l-media soċjali, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ struzzjonijiet biex issir diskriminazzjoni. Il-lista tal-karatteristiċi protetti tiġi estiża wkoll sabiex il-liġi tkun tista’ tindirizza b’mod aktar effettiv ir-realtajiet tal-lum u tal-ġejjieni.
Minn dak li ntqal s’issa, jidher li hemm kuntrast qawwi ma’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament dwar din il-Kummissjoni. Dan hekk kif il-prinċipji ewlenin tal-Kummissjoni huma proprju dak li jipproteġu liċ-ċittadin u tkun indipendenti. Imma din mhijiex sorpriża għalina għaliex l-Oppożizzjoni aktar iva milli le tipprova tagħmel ballun politiku minn dak kollu li jkun qed jiġi diskuss sew fil-Parlament kif ukoll ‘il barra minnu. B’danakollu nemmnu li bit-twaqqif ta’ din il-Kummissjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet tan-nies se jiġu msaħħa aktar.
Naqblu għalhekk ma’ dak li qalet il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar, li permezz ta’ din ir-riforma, il-Gvern se jkompli jinvesti fil-mekkaniżmi u fl-istituzzjonijiet meħtieġa. Dan sabiex il-Gvern ikompli jibni Malta aktar ġusta, aktar ekwa u tassew ugwali għal kulħadd.




