“Kien kostrett li jidħol lura f’daru biex ikun sigur”

Illiberat mill-akkużi li darab raġel b’mod gravi 

Aqra wkoll

Raġel kien illiberat mill-akkużi li darab gravi raġel ieħor wara li l-Qorti emmnet, għax ħassitha moralment konvinta, illi l-verżjoni tal-imputat kienet waħda korretta. Dan wara li rriżulta li l-imputat kien kostrett jidħol lura f’daru biex ikun sigur, b’danakollu baqa’ jiġi segwit mill-allegat vittma fejn sab ruħu f’pożizzjoni li ma setax jaħrab minnu. 

Il-każ imur lura għall-10 ta’ Ġunju 2023 meta kien inqala’ argument bejn żewġt irġiel f’Santa Venera. Ahmad Shikh kien tressaq fil-Qorti fejn ġie mixli li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq Mazin Abdulsalam M Aljayer.

Fil-Qorti nstema’ kif il-vittma kien mar jirrapporta fl-Għassa tal-Ħamrun fejn allega li waqt li kien għaddej bil-vettura tiegħu minn ġewwa Triq il-Lunzjata, Santa Venera, ħariġlu għan-nofs l-imputat u beda joffendih. 

Intqal li kif l-allegat vittma niżel mill-vettura tiegħu, xi nies ta’ nazzjonalità Sirjana bdew jippruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni. Dak il-ħin Ahmad kien daħal fir-residenza tiegħu, eżatt fejn twaqqaf f’Santa Venera. 

Ġie allegat ukoll li kif il-kwerelant kien għadu qed jitkellem ma’ dawn is-Sirjani, ġie jiġri l-imputat u kif dawwar rasu allegatament tah daqqa f’moħħu b’invell isfar li kien fih madwar metru u nofs. 

Kompla jirrapporta li kif qala’ d-daqqa, Mazin storda għal ftit minuti u kif ġie f’sensih, sab lill-imputat li kien se jeġra’ jtih daqqa’ oħra iżda rnexxielu jilqa’ din id-daqqa b’idejh ix-xellugija. Qal li kien jaf lill-imputat peress li kienu għamlu xi xogħlijiet flimkien. 

L-Ispettur Elisia Scicluna spjegat li minn filmati tas-CCTV fil-madwar, deher persuna li kien qiegħed fuq bankina. Ftit sekondi wara dehret vettura sewda tavviċina l-post u pparkjat fuq in-naħa opposta tal-bankina.

Mill-karozza, deher raġel nieżel b’xi ħaġa f’idu. Jidher li minn hemm inqala’ argument u ftit tal-ħin wara ż-żewġt irġiel daħlu fir-residenza. Mill-filmati dehru wkoll xi nies oħra li marru jassistu u jikkalmaw is-sitwazzjoni. Infatti wara, ż-żewġt irġiel dehru jitilqu minn fuq il-post.

Iktar stħarriġ wera li l-kwistjoni qamet dwar flus li l-vittma kellu jieħu mingħand l-imputat. Hekk kif il-vittma mar bil-karozza ħdejn ir-residenza tal-imputat sabiex ikellmu dwar il-flus, innota li l-imputat kellu invell f’idejh u għalhekk qabad wire tad-dawl f’idu li sab meta niżel mill-karozza. 

Il-vittma spjegalha wkoll li meta daħlu d-dar, qam l-argument u huwa spiċċa biex allegatament qala’ daqqa bl-invell mingħand l-imputat f’rasu. 

Fil-kontro-eżami, hija kkonfemat li wara li saret l-investigazzjoni, l-invell li allegatament ġie użat fl-inċident ma nstabx għalkemm ikkjarifikat li t-tfittxija saret xhur wara minħabba li ħadd ma beda jiftaħ il-post u ma kienx magħruf min kien is-sit. 

Fl-istqarrija tiegħu, l-imputat qal li kien Mazin li mar id-dar tiegħu u kif niżel mill-karozza avviċinah u qabad joffendi lilu u lis-Sirjani. Qal li dan kellu cable tad-dawl u allegatament tah daqqa bih u li huwa resaq fid-dar u l-allegat vittma ġie warajh. Min-naħa l-oħra, il-vittma qal li huwa kien jaf lill-imputat minn qabel u kien għamel xi xogħol ta’ kisi għalih li baqa’ ma ħallsux. 

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech innutat li hu minnu li Mazin kien fuq il-bankina iżda filwaqt li fl-ebda ħin ma jidher jaqa’ xi daqqa, hu proprju hu stess li jagħmel l-ewwel atti t’aggressjoni. “Kemm-il darba Ahmad ipprovokah għax offendieh, ma kien hemm xejn xi jżommu milli jwarrab u kif ġie bil-ħeffa għal Ahmad jaqbad triqtu lura!”.

“Filwaqt li meta xehed quddiem il-Qorti, Mazin jgħid li ma jafx x’jisimha t-triq li kien jgħix fiha l-imputat, fir-rapport tiegħu mhux talli wera li ma kienx jaf it-triq iżda ta dettall bin-numru tar-residenza. Anke kif jidher jasal ma hemmx mumenti fejn joqgħod ifittex il-post. Kien jaf ben tajjeb fejn irid imur,” kompliet tgħid il-Qorti.

Ġie nnutat ukoll li fl-ebda ħin Mazin ma jgħid li kien qed jagħti daqqiet mal-ħajt bil-wire u li hi “ħrafa” li hu kien qed isofri b’daqqiet b’invell, għaliex mill-filmat ma jidher xejn minn dan. 

“Il-Qorti tirrimarka li fuq il-bankina fejn jidher jistenna b’mod kajman l-imputat ma jidher l-ebda invell. L-atteġġjament tal-imputat hu wieħed kalm, iżomm wiċċu b’idu mserrħa fuq minkeb. Lanqas indikazzjoni ta’ xi ġestikolar ma hemm indirizzat lejn Mazin iżda li jirriżulta hu li ntqal xi diskors minn Mazin li ġiegħel l-imputat jidħol b’ħeffa ġewwa daru.” 

Il-Qorti saħqet li kif sostniet id-Difiża, il-filmat ixejjen għalkollox ir-rapport li kien sar minn Mazin Aljayer. Qalet li mhu minnu xejn li ltaqa’ mal-imputat b’kumbinazzjoni hekk kif għaddej bil-vettura tiegħu minn Santa Venera, meta dan ħariġlu għan-nofs u beda joffendih. Lanqas qatt ma resaq f’tarf il-bankina l-imputat. 

“Mazin jidher jasal bil-karozza u jipparkja faċċata tal-kantuniera tal-bankina fejn jirrisjedi l-imputat, joħroġ mill-vettura u jibqa’ sejjer dritt vleġġa għal fuq Ahmad Shikh li kien ilu jistenna barra fil-bieb u li ma rah javviċina ħareġ ’il barra mill-għatba.” 

Fid-dawl tal-provi mressqa u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, il-Qorti qalet li tħossha moralment konvinta li l-verżjoni tal-imputat kienet attendibbli u għaldaqstant il-linja difensjonali tiegħu hi valida. 

“L-imputat kien kostrett jidħol lura f’daru biex ikun sigur iżda baqa’ jiġi segwit mill-kwerelant fejn sab ruħu f’pożizzjoni fejn ma setax jaħarbu, l-inevitabilità. Tant hu hekk li mal-ewwel ċans meta l-ġirien li daħlu għandu rnexxielhom jaqilgħu lil Mazan minn fuqu u ħareġ jiġri ta’ fuqu senduqu u ħalla ħwejġu warajh.”

“Fiċ-ċirkostanzi ma jistax jibqa’ dubju li Mazin Aljayer sa mal-wasla tiegħu fuq il-post ippreżenta periklu għall-imputat li kien “sudden, actual and absolute”. 

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti lliberat lill-imputat minn kwalunkwe ħtija u piena. 

L-Avukati Jason Grima, Herman Mula u Silvan Pulis dehru għal Shikh. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport