Minn Cristian Muscat
Marsaxlokk jinsabu l-Armenja biex jaffrontaw lil FC Pyunik fejn għandhom biċċa xogħol ferm diffiċli quddiemhom wara r-riżultat tal-ewwel konfront, jiġifieri, it-telfa ta’ 3-0.
Ir-riżultat miksub fil-partita f’Malta jagħti lil Pyunik vantaġġ komdu qabel it-tieni leg, iżda Marsaxlokk se jkunu qed ifittxu li jagħtu wirja ta’ karattru u jkomplu jiksbu esperjenza f’din l-avventura Ewropea għalihom.
Għalkemm il-missjoni hija waħda diffiċli, it-team Malti se jipprova jissielet sal-aħħar minuta kontra wieħed mill- aktar timijiet ta’ esperjenza fl-Armenja.
Fl-ewwel leg, Pyunik urew il-kwalità tagħhom u ħadu l-kontroll tal-partita speċjalment fit-tieni taqsima.
Wara li l-ewwel 45 minuta dehru aktar bilanċjati, il-mument deċiżiv wasal ftit qabel il-mistrieħ meta l-Armeni ngħataw penalty wara foul ta’ Juan Carlos Corbalan fuq Daniil Kulikov fil-kaxxa. Momo Yansan ma żbaljax mill-11-il metru biex poġġa lil Pyunik fil-vantaġġ.
Sitt minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima, Artak Dashyan kabbar il-vantaġġ b’xutt mill-bogħod li ma ħalla l-ebda ċans lill-goalkeeper Christoffer Mafoumbi jsalva.
Pyunik komplew jikkontrollaw il-logħba u għalqu l-konfront fis-66 minuta meta Mikhail Kovalenko skorja minn viċin wara li Mafoumbi salva parzjalment tentattiv ta’ Iasonas Pikis.
Għal Marsaxlokk, din kienet esperjenza importanti kontra avversarji b’aktar snin ta’ parteċipazzjoni Ewropea. Minkejja r-riżultat, it-team immexxi minn Enzo Potenza wera mumenti pożittivi u se jipprova jagħti wirja aktar b’saħħitha fit-tieni leg.
Marsaxlokk, li temmew bħala finalisti tal-Malta Premier League fl-istaġun li għadda, daħlu għal din l-avventura Ewropea b’ambizzjoni kbira u bi skwadra msaħħa.
Il-klabb żied players bħal Andrea Cassar, Joseph Minala u Oleksiy Bykov, filwaqt li żamm elementi importanti bħal Isaac Christie-Davies, Rasmus Linden, Domantas Simkus u Redon Mihana.
Il-kwalifikazzjoni tidher ’il bogħod, iżda kull wirja ta’ livell f’kompetizzjonijiet bħal dawn tkompli tibni l-esperjenza u r-reputazzjoni tal-club Malti.
Min jikkwalifika jiltaqa’ fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni kontra Debreceni VSC tal-Ungerija.




