Fiż-żminijiet tagħna, l-isfidi u l-problemi quddiem is-soċjetà donnhom isiru reali u ta’ min jikkonsidrahom biss jekk jistgħu jitqiesu u jitkejlu b’mod matematiku – fis-sens li l-iskala u l-firxa tal-kwistjoni soċjali, tkun xi tkun, tista’ tintwera f’numri. Ta’ flus quddiem nett imma mhux biss – ukoll, fil-mod kif żviluppat, fl-impatt tagħha, fil-mod kif in-nies irreaġiet u qed tilqa’ għaliha.
Minn banda, hu naturali li l-bnedmin jipprovaw iqisu ċ-ċirkostanizi li qed jaffaċċjaw b’mod maħsub u ordnat, ħaġa li tista’ ssir bid-dixxiplina taċ-ċifri – għalkemm anke huma jistgħu jiġu mħawda u anke manipulati jekk l-ideat li fuqhom jissejsu jaħbtu li għal raġuni jew oħra jkunu żgarrati.
Tibqa’ mistoqsija: Kemm hu minnu li l-isfidi kollha ta’ għajxien li l-bnedmin jgħaddu minnhom bħala individwi u f’soċjetà jistgħu jitqiesu b’din il-manjiera? Jekk mhux hekk, ir-riskju hu li ma nindunawx jew ninjoraw sfidi kulturali u soċjali li huma “immaterjali” għax aktar jispuntaw minn fehmiet u sentimenti li diffiċli tkejjel bil-qies tan-numri. Ħabib tiegħi, matematiku, assigurani li kejl “matematiku” jibqa’ dejjem possibbli u ta’ min jafdah.
SUSSIDJI
Igħidu xi jgħidu n-neo-liberali, is-sussidji jibqgħu għodda utli fl-iżvilupp ta’ ekonomija moderna anke meta din issostni l-valuri tas-suq ħieles. Anke l-ekonomija Amerikana telqet għall-ewwel tkabbir sostanzjali tagħha bl-għoti estensiv ta’ artijiet lill-kumpaniji tat-trennijiet mat-tul tal-ferroviji li bnew lejn il-wesgħat tal-Punent.
F’Malta wkoll, it-tema tas-sussidji baqgħet tqajjem polemika għalkemm b’mod jew ieħor, dejjem sabet maġġoranza popolari favuriha. Illum, is-sussidji fuq l-enerġija li baqgħu jispikkaw għadhom iqajmu polemika.
Ħaġa stramba imbagħad, is-sussidji li għadhom jingħataw lill-kumpaniji tal-ajru biex iġibu aktar turisti lejna ftit li xejn jingħataw attenzjoni.
IĊ-ĊIVIL
Mill-Indipendenza lil hawn, bidliet ekonomiċi u soċjali enormi seħħew f’pajjiżna. Kienet ħaġa ta’ min jistenniha li l-apparat tal-istat biex jamministrahom – iċ-ċivil – kien ukoll se jkollu jinbidel. Il-ħidma governattiva ma setgħetx aktar tibqa’ mmexxija f’kumpartimenti separati. Proġetti ta’ żvilupp bdew jitfasslu li kienu jinfirxu ma’ oqsma differenti u kellhom għalhekk jidħlu fl-istess ħin fir-responsabbiltajiet ta’ setturi differenti tal-amministrazzjoni publika. Dan apparti mill-ħtieġa ta’ ħidma diplomatika ma’ entijiet statali u internazzjonali barra l-pajjiż.
Twaqqfu korporazzjonijiet u kumpaniji tal-gvern. Korpi li jirregolaw setturi ekonomiċi differenti. Awtoritajiet. Kunsilli, konsilli lokali, konsulenzi. Żdied in-numru ta’ “persuni ta’ fiduċja”. Xogħlijiet u servizzi tal-gvern inkluż fil-manteniment bdew jingħataw b’kuntratt, u kumpanji jwettquhom bil-ħaddiema tagħhom.
Sadattant, il-kostituzzjoni għadha titkellem dwar iċ-ċivil bil-lingwaġġ tas-snin sittin tas-seklu l-ieħor. Ikun tajjeb jekk is-sitwazzjoni tal-amministrazzjoni publika bħala korp statali ewlieni tiġi ċċarata. Mhiex ħidma faċli.




