Il-Partit Laburista jilqa’ b’sodisfazzjon l-Att li ressaq il-Gvern quddiem il-Parlament għat-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.
Dan huwa pass ieħor importanti sabiex kull min jgħix f’Malta iħossu protett minn kull forma ta’ diskriminazzjoni f’kull aspett tal-ħajja.
Gvern Laburista qiegħed, permezz tal-Att imressaq quddiem il-Parlament, jimmodernizza l-qafas legali kontra d-diskriminazzjoni. Fost il-bidliet ewlenin hemm ir-rikonoxximent tad-diskriminazzjoni intersezzjonali, il-vittimizzazzjoni, il-fastidju, inkluż dak li jseħħ permezz ta’ sistemi elettroniċi u l-media soċjali kif ukoll il-projbizzjoni ta’ struzzjonijiet biex issir diskriminazzjoni.
Il-Partit Laburista jinnota b’sodisfazzjon ukoll li r-riforma se tkun qed issaħħaħ is-setgħat biex il-Kummissarju jinvestiga lmenti, jibda investigazzjonijiet minn jeddu, joffri medjazzjoni u jassisti lill-vittmi fejn meħtieġ. Pożittiv ukoll huwa l-fatt li r-riforma timponi fuq l-Amministrazzjoni Pubblika d-dmir li b’mod attiv telimina d-diskriminazzjoni.
B’hekk, dan huwa pass importanti ieħor mal-passi li dejjem ħa Gvern Laburista biex jaċċerta ugwaljanza, mhux biss bejn il-ġeneri imma wkoll ugwaljanza sħiħa fl-imħabba permezz ta’ żwieġ ugwali.
Minkejja l-kritika tal-Oppożizzjoni għal din ir-riforma, u wkoll it-track record tal-PN li jastjeni jew saħansitra tiftaħahar li tivvota kontra riformi li jwasslu għal aktar ugwaljanza u drittijiet, wieħed iħares ’l quddiem issa għall-istadju tat-tielet qari sabiex iż-żewġ Partiti jivvutaw favur din ir-riforma biex issir f’liġi.
Il-Partit Laburista itemm billi jfakkar li din hija wegħda oħra tal-manifest elettorali li qed titwettaq, xhieda tal-enerġija li għandu Gvern Laburista biex jimplimenta l-manifest elettorali Int Malta għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
