Melvin Thuema kellu miljuni kbar ta’ flus – Is-Supretendent Vella
Is-Supretendent Vella waqt il-kontra eżami wara x-xhieda tiegħu fil-ġuri dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia qal li f’kontijiet bankarji mal-BOV, l-HSBC u l-BANIF Bank, Melvin Theuma kellhu miljuni kbar ta’ flus.
Xehed li dan apparti somma oħra li kienet f’forma ta’ flus kontanti fir-residenza tiegħu.
Aktar kmieni: Melvin Theuma u l-lottu klandestin
Waqt li qiegħed għaddej il-kontra eżami tal-Supretendent Nicholas Vella li xehed fil-ġuri dwar il-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia, id-difiża staqsiet dwar il-kompliċi ta’ ma’ Theuma dwar lottu klandestin.
Is-Supretendent Nicholas Vella jgħid quddiem il-ġurati li l-partner ta’ Melvin Theuma, Charmain Zammit, ma kinitx taħdem u wkoll kellha xi proprjetajiet.
Jixhed li Zammit kienet tgħin lil Theuma jmexxi l-lottu klandestin, filwaqt li t-tifla tagħha kienet tgħid lil Melvin ukoll fil-logħob klandestin.
Is-Supretendent xehed ukoll li Ryan Farrguia, il-partern ta’ Chayene, kien kuntrattur tal-bini u kien ukoll jgħin lil Melvin bħala messaġġier. Spjega li l-logħob kollhu kien isir kull nhar ta’ Erbgħa u Sibt, għalhekk kienu jsiru tranżazzjonijiet kuljum.
Aktar kmieni: Id-difiża ta’ Yorgen Fenech dwar il-proprjetajiet li kellu Theuma
Id-Difiża ta’ Yorgen Fenech tistaqsi lix-xhud – is-Supretendent Nicholas Vella dwar kemm kellhu proprjetajiet Melvin Theuma. Hawn ix-xhud qal li Theuma kien irreġistrat bħala ħaddiem tal-Gvern u qabel bħala xufier tal-karozzi Y-Plate. Minn dak stabbilit mill-investigazzjonijiet jirriżulta li Theuma kien iddikjara li mill-2006 sal-2018, kien qala mal-€250,000.
Hawn id-difiża tistaqsi lix-xhud jekk jikkonfermax li Theuma għandu madwar 20 propjetà b’Theuma jgħid li inkluż xi konvenji li tefa’ depożitu fuqhom, kien hemm 21 dokument realtat ma’ proprjetà.
Ix-xhud spjega li dan ma jfisserx li l-proprjetajiet kienu kollha għandu. Is-Supretedent Vella żied jgħid li fiċ-ċert, Theuma kellhu fuq ismu 11-il proprjetà u ma eskludiex li kellu aktar.
Aktar kmieni: Hekk kif il-ġuri dwar il-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia daħal fl-14-il jum tiegħu, bħalissa qiegħed jixhed is-Supretendent Nicholas Vella.
Jispjega quddiem il-ġurati li kienet saret tfittxija għan Melvin Theuma fejn ġew elevati flus, devices, ċwievet u ħames vetturi.Vella xehed li inġabru ftit aktar minn €112,000 minn Ħal Qormi u ftit aktar minn €550,000 mir-residenza prinċipali taż-Żurrieq.
Aktar kmieni: Fis-seduta tal-Erbgħa, George Degiorgio allega fil-Qorti li t-taħditiet li kien qed ikollu mal-pulizija dwar maħfra presidenzjali nqatgħu malli qal li kien lest jitkellem dwar Chris Cardona u Keith Schembri.
“Ladarba għednilhom li konna se nsemmu lilhom, keċċewna ’l barra,” sostna Degiorgio waqt ġurnata ta’ xhieda mimlija tensjoni fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Matul is-seduta, Degiorgio għamel sensiela ta’ allegazzjonijiet dwar l-allegat pjan tal-2015 u l-qtil tal-2017, fejn semma ripetutament lil Chris Cardona, Keith Schembri u David Gatt. Huwa sostna wkoll li kieku jixhed bis-sħiħ “jixxokkja lil kulħadd” u, f’ħin minnhom, dar fuq il-ġurati biex iwissihom “joqogħdu attenti”.
Wara li rrifjuta jwieġeb diversi mistoqsijiet tal-prosekuzzjoni, l-Imħallef Edwina Grima mmultatu €500 għal disprezz tal-Qorti. Degiorgio wieġeb: “Agħmilhom €1,000 flok €500.” Huwa ma ppreżenta l-ebda evidenza biex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu, filwaqt li Chris Cardona, Keith Schembri u David Gatt dejjem ċaħdu kull involviment fil-qtil.
Aktar kmieni, Alfred Degiorgio rrifjuta jwieġeb il-parti l-kbira tal-mistoqsijiet li sarulu u, wara li baqa’ ma jikkoperax minkejja twissijiet mill-Qorti, ġie ordnat jitressaq fi żmien 48 siegħa biex jiffaċċja proċeduri ta’ disprezz tal-Qorti.
Qabel ix-xhieda tal-aħwa Degiorgio, il-kriminologu Saviour Formosa ppreżenta rikostruzzjoni tridimensjonali tax-xena tad-delitt, filwaqt li lejn tmiem is-seduta beda jixhed is-Supretendent Nicholas Vella, li ta rendikont tal-ewwel intervent tal-pulizija fuq il-post tal-isplużjoni li qatlet lil Daphne Caruana Galizia
Ix-xhieda ta Vella mistennija tkompli il-Ħamis filgħodu.
Yorgen Fenech, ta’ 44 sena, qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni kriminali maħluqa biex twettaq l-assassinju.
Il-prosekuzzjoni qed issostni li huwa ffinanzja l-qtil u kkoordina l-pjan permezz tal-intermedjarju Melvin Theuma, allegazzjonijiet li Fenech qed jiċħad.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Fenech qed jidhru għalih l-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran, filwaqt li l-familja Caruana Galizia qed tkun rappreżentata mill-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi.
Il-ġuri qed jiġi ċċelebrat quddiem l-Imħallef Edwina Grima.


