Minn Cristian Muscat
Lejlet il-partita deċiżiva tat-tieni leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League kontra NSI Runavik ta’ Faroe Islands, il-coach ta’ Hamrun Spartans, Stefano Sanderra u l-captain Emerson Marcelina, indirizzaw konferenza stampa fejn esprimew il-fiduċja tagħhom li t-team jista’ jikseb il-kwalifikazzjoni, filwaqt li stqarrew li l-iskwadra għadha tinsab fil-proċess li qed tinbena mill-ġdid wara l-bidliet li saru matul is-sajf.
Sanderra ddeskriva l-konfront bħala wieħed kompletament miftuħ wara d-draw ta’ 1-1 miksub fl-ewwel leg fil-Faroe Islands.
Huwa sostna li ż-żewġ timijiet għandhom ċans ugwali li jgħaddu, iżda enfasizza li Hamrun iridu jkunu preparati għal sfida diffiċli kontra avversarji li jinsabu f’nofs il-kampjonat domestiku tiegħu.
“Se tkun partita miftuħa. Aħna qed naħdmu fuq ħafna aspetti u l-club għadda minn bidla ta’ coach flimkien ma’ numru ta’ akkwisti ġodda.
“Għandna grupp li għadu mhux kompletament stabbilit u għad irridu nsibu l-aqwa bilanċ tagħna. Min-naħa l-oħra, huma jinsabu f’nofs l-istaġun u huma team li ilu jilgħab flimkien għal żmien twil,” spjega l-coach Taljan.
Sanderra sostna li minkejja dawn id-diffikultajiet, it-team qed jagħti sinjali pożittivi u qed jinbena spirtu tajjeb fil-grupp. Huwa qal li l-players qed jaħdmu kuljum biex jifhmu aħjar lil xulxin u biex itejbu l-wirjiet tagħhom.
Meta mistoqsi dwar l-integrazzjoni tal-players barranin il-ġodda, Sanderra qal li dan huwa proċess li jieħu ż-żmien u li mhux realistiku li wieħed jistenna li kollox ikun perfett wara ftit ġimgħat biss ta’ preparazzjoni.
“Għada se nilagħbu b’dak kollu li rnexxielna nibnu sa issa. Din hija skwadra li taħdem ħafna u li għandha kwalità, iżda hemm affarijiet li jistgħu jitjiebu biss permezz ta’ xogħol kontinwu. Il-partiti ma jintrebħux biss bit-tattika, iżda wkoll bil- kundizzjoni fiżika u l-mentalità.”
Il-coach żvela wkoll li hemm xi players li għadhom qed jirkupraw minn għejja fiżika u li mhux kulħadd jinsab f’kundizzjoni ideali biex jilgħab id-90 minuta.
Minkejja dan, huwa wera fiduċja fil-potenzjal tal-iskwadra u fil-kapaċità tagħha li tirrispondi għall-isfida.
Sanderra qal li d-draw miksub fl-ewwel leg ħalla atmosfera pożittiva fid-dressing room u ta aktar fiduċja lill-players qabel il-logħba tat-tieni leg.
“L-ambjent fid-dressing room huwa pożittiv ħafna. Ir-riżultat tal-ewwel leg ħalla kollox miftuħ u aħna lesti nagħmlu dak kollu possibbli biex niksbu l-kwalifikazzjoni. Dan huwa perjodu fejn qed niżirgħu biex aktar ’il quddiem naħsdu l-frott tax-xogħol tagħna. Għandna team ġdid u rridu nagħtu ċ-ċans lill-players biex isiru jafu lil xulxin.”
Min-naħa tiegħu, il-captain Marcelina qal li jinsab kalm u kunfidenti fil-potenzjal tat-team minkejja li l-iskwadra għaddiet minn bidliet sostanzjali.
“Huwa grupp ġdid u rridu nagħtuh ftit taż-żmien biex jikber flimkien. Nemmen ħafna fil-kwalità li għandna u ninsab seren wara r-riżultat tal-ewwel leg,” qal il-captain tal-Ispartans.
Marcelina żied jgħid li NSI Runavik huma avversarji organizzati u diffiċli, iżda sostna li l-prestazzjoni murija fil-Faroe Islands tat prova li Hamrun għandhom il-livell meħtieġ biex jikkompetu magħhom.
“Huma team tajjeb u mhux faċli xejn biex tilgħab kontrihom, iżda aħna għandna fiduċja fil-ħidma li qed nagħmlu kuljum fit-taħriġ. It-team qed jitjieb sessjoni wara oħra u nemmen li quddiem il-partitarji tagħna nistgħu nagħtu prestazzjoni oħra tajba.”
Min joħroġ rebbieħ minn dan il-konfront jiffaċċja lil FC Koper tas-Slovenja fir-round li jmiss.




