Friday, December 13, 2024

L-istrateġija tal-Intelliġenza Artifiċjali se tinvesti fl-edukazzjoni

Aqra wkoll

L-edukazzjoni hija l-passaport tal-futur, hekk kif għada huwa ta’ min jipprepara għalih illum. Din il-frażi kien qalha Malcolm X, u tapplika ħafna fejn tidħol l-Istrateġija Nazzjonali tal-Intelliġenza Artifiċjali. Malta hija b’mod predominanti ekonomija bbażata fuq is-servizzi li tiddependi fuq il-kapital uman ta’ kwalita li joffri servizzi b’valur miżjud għoli. Il-Gvern Malti jirrikonoxxi l-funzjoni kritika pprovduta mill-popolazzjoni li taħdem u kif ukoll is-sistema edukattiva f’pajjiżna, li toffri l-funzjoni fundamentali li ssostni lill-ġenerazzjonijiet kurrenti u futuri ta’ nies imħarġa u edukati.

Fl-istess waqt, l-adozzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali mistennija ġġib bidla fil-prattiċi u funzjonijiet preżenti tax-xogħol fuq livell wiesgħa, u toħloq kemm opportunitajiet u kif ukoll diskrepanza fil-ħiliet. L-implikazzjonijiet tas-sistema edukattiva u l-forza tax-xogħol huma elementi kruċjali fl-Istrateġija tal-Intelliġenza Artifiċjali ta’ Malta.

Din l-istess Strateġija għandha diversi miri x’tilħaq, u fosthom hemm dawk li għandhom x’jaqsmu direttament mal-edukazzjoni. Wieħed ma jistax jipprepara ruħu għall-futur jekk ma jarmax lilu nnifsu bl-għodda meħtieġa sabiex ikun jista jaddatta għal mod kif se tiżviluppa s-soċjeta. Huwa għalhekk li fost l-elementi edukattivi tal-Istrateġija hemm dik li jinbena l-għarfien tal-Intelliġenza Artifiċjali fost l-istudenti u l-ġenituri.

Dan billi tkompli tkun organizzata l-AI Family Challenge, li hija programm edukattiv fuq l-Intelliġenza Artifiċjali u li jġib flimkien familji, skejjel, komunitajiet u mentors teknoloġiċi sabiex kulħadd ikollu l-opportunita li jitgħallem aktar fuq din it-teknoloġija moderna. Barra minn hekk, l-Istrateġija titkellem ukoll fuq AI Olympiad. Din hija attivita għal studenti tal-iskejjel primarji u sekondarji, fejn fiha jkollhom l-isfida li jsolvu problemi veri tad-dinja b’metodi tal-Intelliġenza Artifiċjali. Din l-attivita għandha ssir darba fis-sena, u r-rebbieħ jipparteċipa fil-Global AI Congress li jsir barra minn Malta.

Apparti dawn iż-żewġ attivitajiet, l-Istrateġija titkellem fuq it-tħaddin tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-edukazzjoni diretta. Dan billi fost l-oħrajn tkun żviluppata sistema edukattiva moderna għal Malta, u tmur lil hinn minn dik tradizzjonali bbażata fil-klassi. L-avvanzi tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-edukazzjoni għandhom il-potenzjali li jippermettu sistema ta’ edukazzjoni iktar personalizzata u twassal għal trasferiment tal-għarfien iktar aħjar.

Filwaqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni għandu viżjoni fuq kif l-Intelliġenza Artifiċjali tista tappoġġja il-prioritajiet tagħha u l-iżvilupp kontinwu, il-bidliet mhux se jsiru mil-lejl għan-nhar jew iżolati minn attivitaijiet oħra. Il-bidliet se jkunu introdotti gradwalment fis-snin li ġejjin f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-edukaturi, l-unjins tal-għalliema, ġenituri, studenti u l-partijiet interessati.

L-Istrateġija Nazzjonali tal-Intelliġenza Artifiċjali tinkludi sitt proġetti pilota, b’wieħed minnhom iffukat fuq l-edukazzjoni. Dan il-proġett jikkonsisti minn żewġ partijiet, u se jsiru sal-2022. L-ewwel parti se tikkonsisti minn proġett pilota li jiżviluppa sistema ta’ tagħlim adattiv imħaddma bl-Intelliġenza Artifiċjali biex tgħin studenti jikbsu riżultati edukattivi aħjar permezz ta’ programmi personalizzati bbażati fuq il-prestazzjoni, l-ambizzjonijiet u l-ħtiġijiet tal-istudent. Il-proġett pilota se jgħin ukoll lill-għalliema jibnu ‘assesments’ iktar formattivi fuq il-kapaċitajiet tal-istudenti. Dan il-proġett se jsir fost 50 edukatur u 1,000 student fl-edukazzjoni primarja u sekondarja. It-tieni parti tinkludi proġett pilota li jibni ‘rich data set’ u juża l-Intelliġenza Artifiċjali sabiex tassisti fil-ġbir tal-għarfien u l-azzjonijiet meħtieġa sabiex titjieb is-sistema edukattiva. Il-proġett inizjali se jiffoka fuq li jwassal tbassir li jgħin fl-identifikazzjoni ta’ dawk li joħorġu kmieni mill-iskola, sabiex l-edukaturi jkunu mgħejjuna biex jieħdu azzjonijiet preventivi sabiex ikun hemm riżultati aħjar.

Ma jonqosx ukoll li tkun indirizzata l-ħtieġa li jkun żviluppat l-għarfien tal-Intelliġenza Artifiċjali fost l-għalliema. L-Istrateġija tirrikonoxxi u tagħraf li l-għalliem uman ma jistax ikun replikat jew awtomatizzat, u li l-Intelliġenza Artifiċjali fl-edukazzjoni tirrappreżenta appoġġ lill-professjoni tal-għalliema fl-iżvilupp kontinwu tan-nies. Għaldaqstant, l-għodod għandhom jgħinu lill-għalliema, u mhux joħolqu ostakli ġodda.

L-Istrateġija Nazzjonali titkellem ukoll fuq kif l-istudenti kollha fi programmi ta’ edukazzjoni għolja f’Malta jkunu mgħammra b’ħiliet tal-Intelliġenza Artifiċjali. Hekk kif din it-teknoloġija mistennija tbiddel u titrasforma x-xogħol f’kull settur ekonomiku, huwa kruċjali li jitkabbar l-għarfien u l-ħiliet tal-Intelliġenza Artifiċjali fid-dixxiplini akkademiċi kollha, hekk kif il-ġenerazzjoni żagħżugħa tiprepara ruħha biex tidħol fid-dinja tax-xogħol.

Mis-sena akkademika 2019/20, studenti fi kwalunkwe kors fl-Universita ta’ Malta jistgħu jagħżlu suġġetti fuq bażi ta’ ‘electives’ li għandhom x’jaqsmu mal-Intelliġenza Artifiċjali bħala parti mill-istudji tagħhom. Dan filwaqt li l-MCAST impenja ruħu li jintroduċi suġġetti obligatorji relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali fil-korsijiet kollha fis-snin li ġejjin.

Inizjattiva oħra fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Intelliġenza Artifiċjali hija li l-pajjiż isaħħaħ il-bażi ta’ speċjalisti billi jipprovdi boroż ta’ studju kull sena bejn l-2020 u l-2022 għal studenti li jkomplu l-istudji fl-Intelliġenza Artifiċjali fil-livelli ta’ Masters u PhD fl-Univerista ta’ Malta. Il-boroż ta’ studju, li jammontaw għal €100,000 tnedew fil-jiem li għaddew mis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo. Dawn qed isiru f’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali u l-Università ta’ Malta. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali s-Sur Stephen McCarthy innota kif ħafna esperti u speċjalisti barranin huma impressjonati b’dak kollu li qed isir fis-settur diġitali ta’ pajjiżna. B’dan kollu attribwit għall-edukazzjoni li hija offruta f’Malta. Huwa spjega li kien għalhekk li ġie inkluż fond għal boroż ta’ studju fejn tidħol l-Intelliġenża Artifiċjali meta kienet qed tinbena l-Istrateġija Nazzjonali fl-istess qasam, sabiex ikompli jitkabbar l-għarfien Malti fejn tidħol l-Intelliġenza Artifiċjali.

Ir-rettur tal-Università ta’ Malta l-Professur Alfred Vella rrimarka li din l-okkażjoni hija ċelebrazzjoni ta’ tnissil tal-għerf fost iż-żgħażagħ u anke nies oħrajn li huma interessati jagħmlu l-Intelliġenza Artifiċjali parti integrali mill-karriera tagħhom. Semma kif il-fatt li l-Università tkun involuta f’dan il-proġett hija b’mod naturali għaliex l-għan tal-istituzzjoni edukattiva huwa li tferrex l-edukazzjoni u ssaħħaħ dak li għada pitgħada se jkun parti minn ħajjitna.

Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo saħaq kif bit-tnedija ta’ dawn il-boroż ta’ studju, twieled proġett li permezz tiegħu se tintwera l-viżjoni tal-Gvern fis-settur diġitali. Kompla jgħid kif l-Intelliġenza Artifiċjali hija d-dinja ta’ llum u għada, u bħala pajjiż irridu nkunu preparati għaliha. Għalhekk, il-boroż ta’ studju se jkunu mifruxin għall-qasam akkademiku kollu u mhux biss għal dawk li għandhom esperjenza fil-qasam teknoloġiku.

Dan apparti li l-Gvern kien diġa introduċa leġislazzjoni li tipprovdi lill-individwi li jidħlu għal kors ta’ Masters jew PhD bi kreditu għall-ammont totali tal-income tax li tkun dovuta fuq l-ewwel €60,000 tal-qligħ, suġġett għas-sodisfazzjon ta’ ċertu kriterji. Intant, l-MCAST mistenni wkoll li jniedi programmi post-graduate speċifikati fuq l-Intelliġenza Artifiċjali sal-2025. Barra minn hekk, l-Intelliġenza Artifiċjali hija diġa parti importanti tal-programmi relatati mat-Teknoloġija Informatika li huwa taħt il-livell post-graduate.

Ekonomija

Sport