Mil-lum l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) ta bidu għall-esebizzjoni ta’ kejkijiet tat-tiġijiet flimkien ma’ skulturi magħmula miċ-ċikkulata li nħadmu mill-istudenti stess bis-superviżjoni tal-għalliem tagħhom, il-Kok Jimmy Aquilina.
F’kumment li ta lil Talk.mt, il-Lettur Jimmy Aquilina qalilna li b’kollox ħadu sehem 22 student u studenta li bħalissa qed isegwu kors ta’ Baċellerat fl-Arti Kulinarja. L-istudenti, li l-maġġorparti tagħhom għadhom fl-ewwel sena tal-kors, ġew assenjati f’pari fejn kull grupp għażel tema partikolari u eventwalment tnisslu għadd ta’ kejkijiet u skulturi li jisirqu l-għajn.
Kemm il-kejkijiet kif ukoll l-iskulturi kellhom stil varjat: minn dak tradizzjonali sa stil modern, fosthom skultura bis-salib tal-Kavallieri ta’ Malta u kejk b’teknika tal-marble.
Għaldaqstant, dawk minnkom li tinteressakom il-linja tal-ħelu u/jew l-arti, l-ITS qed tistedinkom biex iżżuru l-kampus tagħhom f’Ħal Luqa mil-lum il-31 ta’ Mejju sal-Ġimgħa 9 ta’ Ġunju (esklużi s-Sibt u l-Ħadd) bejn id-9:00 a.m. u l-4:00 p.m. biex tgawdu din l-esebizzjoni.