Thursday, April 18, 2024

“Ir-rispons li kellna se jkompli jsaħħaħ din ir-riforma maġġuri fil-qasam tal-ġustizzja kriminali”

Illum tagħlaq il-konsultazzjoni pubblika dwar il-proċess tal-kumpilazzjonijiet u r-rinviji

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif illum tagħlaq il-konsultazzjoni pubblika dwar il-proċess tal-kumpilazzjonijiet u r-rinviji, Talk.mt ħa l-kummenti tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard li qalilna li r-rispons li kellhom se jkompli jsaħħaħ din ir-riforma maġġuri fil-qasam tal-ġustizzja kriminali.

Il-proposti ewlenin f’din ir-riforma kienu jinkludu fost oħrajn li l-kumpilazzjoni tintemm fi żmien sena, jiżdiedu l-każijiet fejn il-kumpilazzjoni tista’ ma ssirx billi minn reati b’massimu ta’ sitt snin ħabs se jiżdiedu wkoll dawk li l-massimu ma jeċċedix it-12-il sena ħabs, u li l-Prosekuzzjoni trid tmur il-Qorti bil-provi u tippreżentahom fi żmien masssimu ta’ 70 ġurnata.

Dan filwaqt li numru ta’ xhieda se jkunu jistgħu jixhdu b’affidavit, kif ukoll kwistjonijiet Kostituzzjonali u ta’ Drittijiet Fundamentali mhux se jwaqqfu l-kumpilazzjoni, u se jiddaħħlu emendi biex jaraw li l-vittmi jkollhom il-jedd illi jipparteċipaw attivament fil-proċeduri.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Attard qalilna li l-Ministeru diġà beda jevalwa s-suġġerimenti u l-osservazzjonijiet li saru minn dawk kollha li pparteċipaw, biex imbagħad il-pass li jmiss ikun l-iskrutinju demokratiku aħħari fil-Parlament.

Il-Ministru Attard spjega li matul il-proċess ta’ konsultazzjoni mhux biss stennew li jirċievu l-kontribut tal-pubbliku u l-istakeholders bil-miktub, imma raw ukoll li jkunu huma stess li jersqu ‘l quddiem biex jiddiskutu dak propost u kif dan jista’ jkompli jissaħħaħ.

“Filwaqt li tradizzjonalment ir-riformi fis-settur tal-Ġustizzja kienu jiġu diskussi fost il-professjonisti fis-settur, din id-darba rajna li d-diskussjoni ssir anke mal-istudenti fl-Università ta’ Malta, mal-imsieħba soċjali fl-MCESD u anke mal-pubbliku nġenerali f’attività pubblika li saret għal dan l-iskop,” qal il-Ministru tal-Ġustizzja.

Huwa tenna li l-messaġġ aħħari li ħadu f’din il-konsultazzjoni kien dak li s-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja hemm bżonn tkompli titjieb u titbiegħed mill-periklu tal-istaġnar. Għaldaqstant, il-Gvern afferma l-impenn tiegħu favur aktar ġustizzja effettiva u fi żmien raġjonevoli.

Ekonomija

Sport