Thursday, April 25, 2024

Fl-Ingilterra: Konfużjoni fis-sistema tal-ivvjaġġar … ħaddiema tal-ferroviji se jerġgħu jistrajkjaw

Aqra wkoll

Għadd ta’ passiġġieri li jagħmlu użu mill-ferroviji fl-Ingilterrija mistennija jerġgħu jħabbtu wiċċhom ma’ koas sħiħ meta jiġu biex jivvjaġġaw minn post għall-ieħor. Dan hekk kif eluf ta’ xufiera tal-ferroviji se jkunu qed jieħdu sehem f’sensiela ta’ azzjonijiet industrijali matul din il-ġimgħa.

Il-kumpaniji li joffru servizz tal-ferroviji (l-RDG) qalu li wħud miż-żoni jaf anki jispiċċaw mingħajr servizz għalkollox sakemm jintemmu dawn l-istrajks.

“Wasal iż-żmien li l-Gvern jieqaf jindaħal għaliex l-indħil tiegħu qed jistaġna l-ftehim: ix-xufiera, flimkien mal-ħaddiema l-oħra, jixirqilhom żieda fil-paga wara erba’ snin bl-istess paga u agħar minn hekk bl-inflazzjoni li għaffġithom f’dawn l-aħħar 12-il xahar”, saħaq Mick Whelan, is-Segretarju Ġenerali tal-Aslef.

Ix-xufiera li huma msieħba mal-unjin Aslef se jistrajkjaw matul il-jum tal-lum u tas-Sibt li ġej filwaqt li l-ħaddiema membri fil-unjin tal-Ferroviji u t-Trasport Marittimu (RMT) mistennija joħorġu fuq strajk nhar il-Ġimgħa.

Il-kumpaniji tal-ferroviji ġa avżaw lill-pubbliku li s-servizz tagħhom se jkun interrott bil-kbir minħabba li fl-istrajks se jieħdu sehem madwar 12,000 xufier u ħaddiema oħra mill-istess settur. Huwa stmat li 15-il kumpanija tal-ferroviji se tintlaqat minn dawn l-istrajks.

Fid-dawl ta’ dan, il-passiġġieri qed jingħataw parir biex jippjanaw il-vjaġġi tagħhom b’ċertu kawtela, fosthom billi jiċċekkjaw il-ħinijiet li fihom joperaw il-ferroviji, bl-aktar importanti l-ħin tal-ewwel u l-aħħar vjaġġ tal-jum.

Intqal ukoll li l-azzjonijiet industrijali se jkunu ta’ inkonvenjent, fost oħrajn, għad-dilettanti tal-futbol li se jivvjaġġaw lejn Londra għall-final tal-FA Cup li se tintlagħab bejn Manchester City u Manchester nhar is-Sibt li ġej fil-Wembley Stadium.

Sport