Friday, November 15, 2024

L-Isvediż Armand Duplantis jikser rekord dinji ġdid fil-pole vault

Aqra wkoll

Armand Duplantis stabbilixxa rekord dinji ġdid fil-pole vault għas-sitt darba fl-All Star Perche, laqgħa tal-World Athletics Indoor Tour Silver f’Clermont-Ferrand, Franza.

L-Isvediż ta’ 23 sena qabeż 6.22m biex żied ċentimetru mar-rekord dinji tiegħu stess.

Iċ-champion Olimpiku u tad-dinja kiseb il-marka storika fit-tielet tentattiv tiegħu.

Huwa tejjeb ir-rekord stabbilit meta kklerja 6.21m fil-Kampjonati Dinji tal-Atletika tas-sena l-oħra f’Oregon.

Duplantis kiser ir-rekord dinji ta’ Renaud Lavillenie ta’ 6.16m, stabbilit fl-2014, meta qabeż 6.17m fi Frar 2020.

Imbagħad tejbu għal 6.18m fi Glasgow il-ġimgħa ta’ wara.

Duplantis imbagħad qabeż 6.19m fil-Laqgħa Indoor ta’ Belgrade, f’Marzu 2022, u 13-il jum wara reġa’ tejbu għal 6.20m fl-istess post, meta rebaħ id-deheb fil-Kampjonati Dinji tal-Atletika Indoor.

L-Ukren Sergey Bubka kien l-ewwel atleta li kiser il-marka tas-sitt metri, fl-1985. Huwa kompla jikser ir-rekord tiegħu stess 12-il darba qabel Lavillenie kiser is-6.16m fl-2014.

Ekonomija

Sport