Saturday, October 26, 2024

L-Italja ddaħħal restrizzjonijiet dwar it-tisħin tad-djar minħabba l-kriżi tal-enerġija

Aqra wkoll

Matul ix-xitwa li ġejja, is-sistemi tas-central heating ġewwa l-Italja se jkunu qed jiġu illimitati u dan hekk kif qed ikompli jiżdied it-tħassib dwar il-provvista ta’ gass minħabba l-invażjoni Russa ġewwa l-Ukrajna. 

Digriet maħruġ mill-gvern jgħid li l-poplu Taljan irid inaqqas it-tisħin tad-djar bi grad, kif ukoll jitfi s-sistema kompletament għal siegħa kuljum. Uħud mill-binjiet se jkunu eżentati minn din l-ordni; fosthom djar tal-anzjani u sptarijiet. 

B’hekk issa l-Italja żdiedet mal-lista ta’ għadd ta’ pajjiżi Ewropej li qed jitolbu liċ-ċittadini tagħhom biex matul ix-xitwa li ġejja jagħmlu s-sagrifiċċji minħabba l-kriżi tal-enerġija. Dan qiegħed iseħħ hekk kif ħafna huma dawk il-pajjiżi li huma dipendenti fuq il-gass ġej mir-Russja u l-provvista ta’ din ir-riżorsa tinsab ristretta ħafna minħabba dak li żviluppa ġewwa l-Ukrajna. 

Qabel seħħet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, l-Italja kienet it-tieni l-ikbar importatur tal-gass Russu ġewwa l-Unjoni Ewropea tant li dan jammonta għal 40% tal-enerġija totali fl-Italja. Wara li bdiet l-invażjoni, il-provvista ta’ gass Russu fl-Italja niżlet għal 10% biss u dan wassal biex dan il-pajjiż iħares lejn mezzi oħrajn fosthom gass naturali likwifikat li qiegħed jinxtara bi prezz għoli ħafna u qiegħed jiġi rifless fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Franza wkoll introduċiet restrizzjonijiet simili biex tiġi ffrankata l-enerġija. Ġewwa dan il-pajjiż, it-temperatura massima ta’ tisħin fi djar u uffiċini se tkun ta’ 19oC, filwaqt li mhux se jkun hemm ilma sħun f’binjiet pubbliċi. Apparti hekk se jkun hemm tnaqqis fit-temperatura tal- pixxini pubbliċi u anke kumplessi sportivi. 

Fi Spanja t-temperatura wkoll ma tistax taqbeż id-19oC filwaqt li l-istess bħal Franza n-negozji se jkunu ordnati jżommu l-bibien magħluqa biex ma tintilifx sħana u l-vetrini jinfew wara l-10.00 p.m.

Sport