Tuesday, April 30, 2024

Poloz tal-Euro 2024: Malta tittella’ fl-istess grupp tal-Italja u tal-Ingilterra

Aqra wkoll

Meta l-Ħadd f’nofsinhar ittellgħu l-poloz tar-round ta’ kwa­lifikazzjoni tal-Euro 2024, fil-Festhalle Exhibition Centre, fi Frankfurt, Malta ttellgħet fl-istess grupp tal-Italja u l-Ingilterra biex, bla dubju, hija waħda mill-aktar attraenti għad-dilettan­ti tal-football f’pajjiżna hekk kif se naraw l-aktar żewġ timijiet naz­zjonali seg­witi f’Malta.  

Iżda fil-veritá, din hija polza mill-aktar diffiċli li f’dan il-grupp hemm ukoll l-Ukrajna u l-Montenegro.

Bla dubju, ma’ din il-polza ġeddew il-memor­ji tal-passat meta konna lgħabna kontra dawn iż-żewġ ġganti tal-football, bl-aktar waħda li tibqa’ tissemma hija dik tat-3 ta’ Frar, 1971, meta taħt il-coach Carm Borg, konna ospitajna lill-Ingilterra,  fl-Empire Stadium tal-Gżira, liema partita kienet valida mill-Kampjonat Ewropew 1972.

F’dik il-logħba, l-Ingliżi kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0, b’goal ta’ Martin Peters.

Fil-partita ta’ ritorn, li  ntlagħbet f’Wembley Sta­dium, fit-12 ta’ Mejju, 1971,  l-Ingliżi rebħu bl-iskor ta’ 5-0, permezz ta’ Martin Chi­vers (2), Francis Lee, Alan Clarke u Chris Lawler.

Dak in-nhar it-team Malti kien immexxi mill-coach Tony Formosa.

Imbagħad, fit-3 ta’ Ġunju, 2000, taħt it-tmexxija tal-coach, Josif Ilic, il-Maltin laqgħu lill-Ingilterra fin-National Stadium, f’partita ta’ ħbi­berija, li tlifna bl-iskor ta’ 2-1, b’David Carabott ikun l-iskorer Malti minn penalty filwaqt li Martin Keown u Emile Heskey jis­korjaw għall-Ingliżi.

Lgħabna darbtejn oħra kontra l-Ingliżi, fil-konfronti tar-round ta’ kwalifikaz­zjo­ni tat-Tazza tad-Dinja 2018, fejn it-tmexxija kienet fdata lill-coach Pietro Ghedin.

Fl-ewwel partita, li ntlagħbet fit-8 ta’ Ottubru, 2016, f’Wembley Stadium, l-Ingliżi rebħu 2-0, bl-iskorers ikunu Daniel Sturridge u Dele Alli.

Fit-tieni partita, fin-National Stadium, tlifna bl-iskor ta’ 4-0, bil-protagonisti jkunu Harry Kane (2), Ryan Bertrand u Danny Welbeck.

Kontra l-Italja lgħabna tmien partiti u tlifnihom kollha, f’din l-ordni.

Tazza tad-Dinja:

19 ta’ Diċembru, 1992: Mal­ta v Italja 1-2 – skorers: Gianluca Vialli, Beppe Signori (I); Martin Gregory (M).

24 ta’ Marzu, 1993: Italja v Malta 6-1 – skorers:  Dino Baggio, Giuseppe Signori, Pietro Vierchwood, Roberto Mancini (2), Paolo Maldini.

11 ta’ Settembru, 2012: Italja v Malta 2-0 – skorers: Mattia Destro, Federico Peluso.

26 ta’ Marzu, 2003: Malta v Italja 0-2 – skorers: Mario Balotelli (2).

Kampjonat Ewropew:

6 ta’ Diċembru, 1986: Malta v Italja 0-2 – skorers: Ri­car­do Ferri, Alessandro Altobelli.

24 ta’ Jannar, 1987: Italja v Malta 5-0 – skorers: Salvatore Bagni, Giuseppe Bergomi, Alessandro Altobelli (2),  Gian­luca Vialli.

13 ta’ Ottubru, 2014: Malta v Italja 0-1 – skorer: Graziano Pelle.

3 ta’ Settembru, 2015: Italja v Malta 1-0 – skorer: Graziano Pelle.

Kontra l-Ukrajna, lgħabna partita ta’ ħbiberija, nhar is-6 ta’ Ġunju, 2017, fi Graz, l-Awstrija u rbaħna bl-iskor ta’ 1-0, b’goal ta’ Zach Muscat.

Kontra l-Maċedonja konna nvoluti f’sitt partiti, fejn tlifna ħamsa u spiċċajna fi draw ta’ 1-1 fl-oħra. 

Din se tkun is-17-il edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni bil-fażi finali tintlagħab fil-Ġermanja bejn l-14 ta’ Ġunju u l-14 ta’ Lulju, 2024.

Sport